Editorjal

Editorjal: Id-demokrazija inkonvenjent għal-Labour

F’dawn l-aħħar 50 sena ta’ Indipendenza, f’Malta d-demokrazija għaddiet minn mumenti koroh. Imma f’dawk il-mumenti kien hemm politiċi li ddefendewha għax jemmnu fid-demokrazija fiha nnifisha, is-sinjal li l-poter hu biss misluf, ċens jagħlaq.

Twessigħ u tisħiħ tad-demokrazija f’ħafna livelli
Il-Partit Nazzjonalista d-demokrazija iggarantieha fil-livell nazzjonali, kabbarha fil-livell lokali fil-Kunsilli, żiedha bis-sħubija fl-Ewropa u bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u seddaqha bid-dritt ċivili importanti li ta lill-Maltin tar-referendum abrogattiv. U kull meta saret xi ċaqliqa f’xi ħaġa li għandha x’taqsam mad-demokrazija anke lokali, dejjem saret bi ftehim minn qabel mal-Oppożizzjoni.

Il-Labour iħassar 68 elezzjoni lokali
Mhux hekk issa. Għandna Gvern Laburista li se jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar il-pajjiż kollu – 68 elezzjoni – is-sena d-dieħla u wara.

L-elezzjonijiet li jmiss għandhom isiru
Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja f’dil-kwistjoni l-ewwel nett qed jonqsu mil-loġika. Jekk iridu jiddiskutu elezzjonijiet lokali ma’ dawk Ewropej, il-loġika tgħidlek li xorta għandhom jagħmlu dawk li jmiss issa, mhux iħassruhom kollha.

Pajjiż fallut li ma jaffordjax elezzjonijiet?
U jekk il-pajjiż daqshekk fallut li ma jistax jaffordja elezzjonijiet, kif qed jgħid Owen Bonnici, se jsir referendum – li Joseph Muscat stess qal li se jagħmlu – u l-loġika tgħidlek li, la fallut il-pajjiż, agħmel kollox f’daqqa għax f’daqqa jiġu jiswew l-istess.

Votanti ‘għajjenin’ meta jivvutaw 70%
Imbagħad hemm il-gidba li ħarġu biha Joseph Muscat u Owen Bonnici, li l-votanti għajjew jivvutaw. Meta fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli xorta jivvutaw 70 fil-mija tal-Maltin. Kieku veru hemm voter fatigue, politiċi demokratiċi jaraw kif ineħħu l-voter fatigue mhux ineħħu l-elezzjonijiet. Jekk il-pazjent ma jiflaħx, tfejqu mhux toqtlu.

Konsultazzjoni biex iħassar l-aqwa konsultazzjoni
Issa, Owen Bonnici nieda konsultazzjoni biex jikkanċella l-konsultazzjoni vera, l-elezzjonijiet. U għall-Ministru li hu wieħed mill-aktar li jippoppa fuq il-vot mas-sittax – li jaqbel miegħu kulħadd – issa qed jara kif se jagħmlu vot mal-21.

Il-Labour bi kredenzjali maħmuġin fid-demokrazija
Il-Partit Laburista għandu kredenzjali maħmuġin fid-demokrazija. Is-snin tmenin kienu snin li fihom, bħal drabi oħrajn, il-Partit Laburista kien fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja, u bil-kbir. Il-fatti ma jħassarhom ħadd u qatt.

L-għerq tal-problema: għal-Labour id-demokrazija hi inkonvenjent
Issa, il-Partit Laburista qed ikompli jikkonferma l-għerq tal-problemi tas-snin tmenin fid-demokrazija – li d-demokrazija għal-Labour mhijiex ġid fiha nnifisha, imma hi inkonvenjent. U meta d-demokrazija ssir inkonvenjent, dak żgur iqanqal tħassib.