Lokali Sport Sport Ieħor

Esperjenza pożittiva fil-programm Summer on the Move

Is-seba’ ġimgħat li għaddew kienu deskritti bħala esperjenza pożittiva mit-tfal li ħadu sehem fil-programm sportiv Summer on the Move li lbieraħ kien l-aħħar jum tiegħu. Dan il-programm, li jsir fil-vaganzi tas-sajf biex it-tfal iqattgħu ħin jagħmlu l-isport favorit tagħhom, ilu jsir għal dawn l-aħħar 10 snin u jiġi organizzat mill-Kunsill Malti ghall-Isport. KMS.

In-Nazzjon tkellmet ma’ uħud mit-tfal li kienu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-għawm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Huma ddeskrivew l-esperjenza bħala waħda pożittiva u tkellmu wkoll dwar dak li tgħallmu minn dan il-programm b’xi wħud jenfasiżżaw fuq il-ħiliet tal-għawm li akkwistaw u oħrajn jispjegaw li l-esperjenza tathom iktar kunfidenza, għenithom jagħmlu iktar ħbieb u jaħdmu aħjar f’tim.

Tkellimna wkoll ma’ waħda mill-coaches tal-għawm, Marthese Fava, li qalet li l-esperjenza sportiva permezz ta’ dan il-programm hija ta’ benefiċċju għat-tfal. Fava spjegat li anke tfal bi bżonnijiet speċjali qed jibbenefikaw minn dan il-programm li jippromwovi l-inklużjoni. Marthese Fava qalet li l-livell tal-għawn għola ħafna u spjegat li l-għawm jgħin ħafna lit-tfal biex jibnu l-kunfidenza.

Il-programm sportiv Summer on the Move jinkludi diversi dixxiplini fosthom għawm, basketball, futbol, gymnastics, hip hop u badminton. Il-programm jinkludi faċilitajiet sportivi differenti f’Ħal Kirkop, il-Kottonera, Tal-Qroqq, il-Mosta u s-Siġġiewi.

Permezz ta’ dan il-programm, fix-xhur tas-Sajf, it-tfal jistgħu jattendu għat-taħriġ bejn darbtejn u ħames darbiet fil-ġimgħa u jistgħu jagħżlu taħriġ sportiv fis-sessjonijiet ta’ filgħodu bejn it-8.30am u 12.00pm kif ukoll wara nofsinhar bejn l-4pm u t-8pm.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius u c-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil ilbieraħ żaru l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u ltaqgħu mal-parteċipanti ta’ dan il-programm.

Ritratt: www.sportmalta.org.mt