Internazzjonali

Iċ-Ċina seta’ kiser kelmtu dwar Hong Kong

L-awtoritajiet komunisti taċ-Ċina qed jipprovaw iwaqqfu kumitat influwenti fir-Renju Unit milli jinvestiga t-tensjoni akuta li ħakmet fit-territorju ta’ Hong Kong, li hu eks-kolonja Britannika.

Ir-Renju Unit għad għandu interess kontinwu f’dak li għaddej f’Hong Kong u jrid jaċċerta jekk humiex minnhom ir-rapporti li kumitat Ċiniż qed jinnomina ‘numru limitat ta’ kandidati’ għal elezzjoni li jrid isir f’dak it-territorju. Dan għaliex jista’ jkun hemm każ fejn Beijing qed jabbuża l-impenji li qal li kellu jonora fil-ftehim tal-1984 għat-trasferiment ta’ Hong Kong mingħand il-Britanniċi.

L-Ambaxxatur Ċiniż għal Londra ukoll qed jipprova jwaqqaf il-kumitat ta’ Westminster – li hu magħmul minn deputati parlamentari – biex ma jkomplix bl-investigazzjoni, biċ-Ċina takkuża lil dawn id-deputati ‘b’li qed jindaħlu fl-affarijiet ta’ Hong Kong’.

Fil-preżent, eluf ta’ attivisti f’Hong Kong qed jipprotestaw dwar ‘il-pjani u l-manuvri’ taċ-Ċina u li qed jgħidu għandhom iservu biex jillimitaw l-elezzjonijiet demokratiċi f’dan it-territorju.

Sadanittant, il-Kumitat Ċiniż għall-Affarijiet Barranin bagħat ittra fejn jakkuża lir-Renju Unit b’li ħa ‘inizjattiva li mhix xierqa li tammonta għal indħil fl-affarijiet interni taċ-Ċina’. Dan meta l-awtoritajiet f’Beijing qalu li ‘l-aġir tal-Britanniċi qed jibgħat sinjal politiku żbaljat lid-dinja, minbarra li qd iħarbat ir-riforma politika f’Hong Kong’.

L-ittra tkompli li ċ-Ċina m’għandha taċċetta ‘l-ebda indħil dirett jew indirett, la mir-Renju Unit u mingħand l-ebda entitajiet barranin oħra.’

Madankollu, il-kumitat tal-House of Commons (Parlament) fir-Renju Unit kien ilu minn Lulju li ħabbar l-intenzjoni tiegħu biex jinvestiga dwar Hong Kong. Dan bl-iskop li r-Renju Unit jikkunsidra l-progress li għamel Hong Kong tul it-tletin sena mindu dan it-territorju għadda taħt l-amministrazzjoni taċ-Ċina.

Skop ovvju ieħor tal-Britanniċi hu li jaraw u jikkunsidraw il-progress lejn ir-riforma demokratika f’Hong Kong u wara li l-ftehim ‘dwar it-trasferiment’ li r-Renju Unit kien iffirma maċ-Ċina jistabbilixxi l-hekk imsejjaħ liġi bażika, li tiggarantixxi livell ta’ awtonomija għolja, minbarra d-drittijiet u l-liberta bażika għar-residenti ta’ din l-eks-kolonja.