Rabja minn għadd kbir ta’ ġenituri li nhar it-Tnejn filgħodu kienu msejħa biex imorru jixtru l-uniformijiet tat-tfal tal-iskola iżda spiċċaw ħargu b’inqas minn nofs l-affarijiet li kienu jinħtieġu.
Ġenituri ta’ tfal rċevew ittra biex nhar it-Tnejn li għadda jmorru l-Iskola Sekondarja tal-Imtarfa minn fejn kellhom jixtru l-uniformi għal uliedhom.
Madankollu, meta dawn marru biex jixtru l-uniformi sabu li setgħu jinqdew biss minn numru żgħir ta’ items minħabba li l-kuntrattur, Yorkie Clothing, ma kienx għad kellu għall-bejgħ numru ta’ items għall-istudenti.
Omm li tkellmet ma’ In-Nazzjon qalet li marret biex tixtri l-uniformijiet fid-data li kienu mitluba jagħmlu dan iżda meta marret inqdiet biss minn nofs l-items tal-uniformi. “Kull ma ried jaqdina kien fil-polo shirts, it-T-Shirts tal-PE u jersey tax-Xitwa” qaltilna l-omm. Hija qaltilna wkoll li xħin il-ġenituri talbu biex jixtru l-qalziet huma kienu offruti li jingħataw wieħed temporanju u ta’ kulur differenti minn dak mitlub mill-iskola stess.
Il-problemi jeżistu kemm għall-uniformijiet tal-iskejjel primarji kif ukoll għal dawk tal-iskejjel sekondarji.
Meta l-ġenituri staqsew meta dawn l-items se jkunu qed jaslu, min kien qed ibigħ qalilhom li għadu ma jafx jekk humiex se jaslu sat-22 ta’ Settembru. Tweġiba li urtat mhux ftit lill-ġenituri minħabba l-fatt li dakinhar tibda l-iskola.
Il-ġenituri jinsabu urtati wkoll għall-fatt li huma ntalbu jordnaw l-items kollha tal-uniformi li jinħtieġu u jħallsu l-ammont sħiħ minn qabel. Dan kuntrarju għall-prassi li tintuża s-soltu meta dak li jkun jintalab iħallas depożitu u jħallas il-bqija tal-ammont meta jkunu waslu l-items kollha.
Fl-ittra li rċevew il-ġenituri tal-istudenti ingħataw l-għażla li jmorru jixtru l-uniformi wkoll mill-fabbrika ta’ Yorkie Clothing stess mminn nhar it-Tnejn li għadda. Iżda meta l-ġenituri ċemplu, dawn kienu infurmati li l-bejgħ mhux se jibda qabel nhar il-Ġimgha li ġej.
//= $special ?>