Lokali Qorti

Is-Soċju tal-Mużew jingħata l-liberta’ proviżorja

Is-soċju tal-mużew ta’ 46 sena, li nhar il-Ħamis li għadda tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa tifel ta’ 10 snin fil-baħar taħt il-park ta’ “Splash and Fun” f’Baħar iċ-Ċagħaq,  ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,500. 

F’digriet mogħti mill-Maġistrat Audrey Demicoli, is-soċju mis-Siġġiewi kien ordnat mill-Qorti li jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal-Qormi u li ma jersaqx lejn postijiet frekwentati minn tfal li jattendu l-mużew.

Kienet id-difiża stess li nhar it-Tnejn li għadda talbet lill-Qorti biex din tkun waħda mill-kundizzjonijiet u dan wara li l-akkużat issospenda lilu nnifsu minn kull attivita’ marbuta mas-soċjeta tal-Mużew.

Fl-ewwel kumpilazzjoni, li fiha nhar it-Tnejn li għadda xehed l-allegat vittma, l-Avukat tad-difiża Arthur Azzopardi akkumpanjat mill-Avukat Kathleen Grima għamel talba oħra għal liberta’ proviżorja.

L-ewwel talba kienet saret nhar il-Ħamis li għadda meta l-akkużat li huwa teżorier tas-soċjeta tal-muħew u Assistent Kap ta’ skola kien tressaq il-Qorti mixli li nhar il-Ħadd, 24 ta’ Awwissu li għadda li b’għemil żieni kkorrompa persuna taħt l-eta’ meta suppost kien li jieħu ħsiebu u jedukah.

Il-Maġistrat Giovanni Griscti kien ċaħad it-talba minħabba l-fatt li kien għad irid jixhed l-allegat vittma. Huwa ġie mixli wkoll li f’Baħar iċ-Ċagħaq, limiti tan-Naxxar ikkommetta reat vjolenti għall-pudur fuq l-istess minuri u ġab ruħu b’mod li tah fastidju u li offenda l-pudur jew il-morali, b’egħmil li sar f’post pubbliku, jew espost għall-pubbliku.

Il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli saret bil-magħluq fejn it-tifel xehed permezz tal-“video conferencing”. Xehed ukoll li Spettur Josric Mifsud li qed imexxi l-Prosekuzzjoni. Huwa mifhum li għad hemm diversi persuni oħra li se jixhdu f’dan il-kumpilazzjoni li mistenni jkompli fit-8 ta’ Ottubru li ġej.

L-allegat każ li tiegħu l-akkużat qed jiċħad r-reati kollha miġjubin kontrih seħħ waqt attivita’ kienet waħda organiżżata mis-soċjeta’ tal-mużew fejn preżenti kien hemm diversi tfal. Wara li tressaq il-Qorti hu irreżenja kemm mis-soċjeta’ tal-mużew kif ukoll mill-iskola fejn imexxi.