Internazzjonali

Iżżid is-sigurta fost l-arresti konnessi ma’ ‘kumplott’

L-GĦARABJA SAWDIJA: L-awtoritajiet fl-Għarabja Sawdija arrestaw talanqas 88 persuna b’konnessjoni ma’ kumplotti li jingħad li kienu diretti kontra l-pajjiż u (anki) pajjiżi ‘il hinn minnu. Dan waqt li l-awtoritajiet qed jgħidu li huma rnexxielhom jevitaw sensiela ta’ attakki li dehru ppjanati għall-jiem li ġejjin.

Il-Ministeru għall-Intern Sawdi qal li l-persuni kienu ilhom ix-xhur taħt osservazzjoni u sakemm ħarġet id-direttiva biex huma jinżammu taħt arrest. Ingħad ukoll li l-arrestati ‘kienu viċin ferm li jwettqu sensiela ta’ reati ġodda’.

Skont l-aħħar rapporti, tlieta mill-irġiel arrestati ġejjin mill-Jemen u bil-kumplament ikunu ta’ nisel Sawdi.

Intant, l-Għarabja Sawdija qed iżżid is-sigurta fid-dawl tal-offensiva li qed imexxu l-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku (IS) fl-Iraq u fis-Sirja.

Filwaqt li l-kelliema għall-Ministeru tal-Intern Sawdi ma żvelawx id-dettalji dwar l-allegati kumplotti, sar magħruf li madwar sittin fost l-arrestati diġa skuntaw sentenzi ta’ priġunerija għal reati simili li seħħew fil-passat.

Il-kelliema qalu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li l-arresti inkwistjoni tmexxew fuq l-aħħar jiem u juru li l-qawwiet tal-Għarabja Sawdija ‘qed jitrattaw b’responsabbilta kbira l-impenji tas-sigurta għal pajjiżhom’.

Huma komplew li l-qawwiet Sawdi huma impenjati bis-sħiħ biex josservaw u jieħdu azzjoni kontra l-elementi li jissieħbu mal-movimenti estremisti – bl-istess kelliema jesprimu dispjaċir għall-fatt li l-arrestati jinkludu l-irġiel li ‘rritornaw għall-istess aġir’ ladarba huma skuntaw il-priġunerija.