Internazzjonali

Jiċħdu dwar każ suspettat tal-Ebola

L-IŻVEZJA: L-Uffiċjali fi sptar ta’ Stokkolma qalu li raġel suspettat bħala marid bl-Ebola mhux marid b’din il-marda qattiela u hu kien qed jinżamm iżolat fl-Isptar ta’ Karolinska, wara li rritorna lejn pajjiżu mill-Afrika.

Ir-raġel kien instab li qed ibati minn deni qawwi u t-tobba tal-isptar, għall-bidu, ma setgħux iwarrbu l-possibbiltà tal-Ebola.Madankollu, l-aħħar rapporti qalu li l-istaff fil-kumpless ta’ Karolinska, aktar tard ċaħdu li r-raġel kien spiċċa infettat bil-virus u dan jikkonfermawh ukoll l-ispeċjalisti li, qabel, insistew li s-sogru ta’ epidemija tal-Ebola fl-Iżvezja hu wieħed baxx għall-aħħar.

Il-virus tal-Ebola infetta lil iktar minn 2,600 persuna u qatel aktar minn 1,400 mindu feġġ mill-ġdid, din is-sena, fil-pajjiżi Afrikani tal-Punent.

Intant, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikultura (FAO) qalet li l-epidemija tal-Ebola qed thedded serjament il-produzzjoni tal-ikel fil-Punent tal-Afrika. Il-FAO qajmet alert speċjali għal-Liberja, Sierra Leone u l-Guinea li huma l-agħar tliet pajjiżi effettwati, hekk kif il-produzzjoni tal-qamħ għandha tkun effettwata fl-istaġun partikulari. In-nuqqasijiet tal-ikel għandhom isiru aktar akuti matul ix-xhur li ġejjin.