IL-LIBJA: Jidhru li ħraxu l-battalji, f’Benghazi, bejn il-qawwiet leali għal Ġeneral Libjan irtirat u l-milizzji Iżlamiċi li qed javvanzaw mill-inħawi. Dan fost rapporti li nqatlu l-għexieren ta’ ġellieda ‘fuq iż-żewġ naħat’ fl-aħħar spinta ta’ vjolenza.
Fl-aħħar jiem qabdu sew il-konfronti armati bejn il-qawwiet tal-Ġeneral Khalifa Hifter – li mhux rikonoxxut mill-Gvern Libjan – u moviment ta’ milizzji Iżlamiċi li jismu l-‘Kunsill Rivoluzzjonarju ta’ Shura f’Benghazi’.
Intant, l-ajruplani militari ta’ Hifter qed jibbumbardjaw il-pożizzjonijiet tal-militanti Iżlamiċi, b’talaħħar jirritaljaw bl-isparar tal-artillerija. Mifhum ukoll li l-battalji qegħdin ikomplu fl-inħawi madwar l-ajruport ta’ Benina, fiz-zona ta’ Benghazi.
Il-Libja għaddejja mill-agħar vjolenza mindu spiċċa r-reġim tal-eks dittatur Libjan, Muammar Gaddafi, fis-sajf tal-2011.
Sadanittant, il-Gvern Libjan li wasal biex jispiċċa ammetta li hu, effettivament, tilef il-kontroll tal-belt kapitali ta’ Tripli fejn qed jiddominaw il-gruppi tal-milizzji armati.
Il-kelliema ħarġu b’din l-istqarrija mir-refuġju tagħhom fil-Lvant tal-Libja, bil-Gvern proviżorju immexxi minn Abdullah al-Thani – li rriżenja minn Prim Ministru ftit tal-jiem ilu – isostni li l-gruppi armati, fil-parti kbira milizzji Iżlamiċi, qed jikkontrollaw il-Ministeri fil-kapitali fejn qed jostakolaw l-aċċess għall-ħaddiema tal-Gvern.
Intant, il-Gvern Libjan proviżorju qal li qed ikollu l-kuntatti ma’ uffiċjali fi Tripli ‘biex jaċċerta li s-servizzi bażiċi fil-kapitali jistgħu jkomplu’.
Il-Gvern inkwistjoni kien ippreżenta r-riżenja tiegħu fil-Parlament, jiem wara li twaqqfet amministrazzjoni rivali tal-Iżlamiċi. Dan meta l-Parlament (li kien elett f’Ġunju) u l-Gvern elett qed jaħdmu fir-reġjuni tal-Lvant tal-Libja minħabba raġunijiet tas-sigurta.
L-amministrazzjoni rivali, jew il-Kungress Nazzjonali Ġenerali, ħatret lil Omar al-Hassi, li jappoġġja lill-Iżlamiċi, biex jifforma ‘Gvern ta’ salvazzjoni’ u waqt li l-Parlament elett, fil-bidus tal-ġimgħa, ivvota biex jitlob lil Abdullah al-Thani ħalli jifforma Gvern ġdid li jinkorpora numru anqas ta’ deputati.