It-tliet kunsillieri tal-PL f’Ta’ Sannat joħorġu dikjarazzjoni dwar is-sehem ta’ omm is-Sindku Philip Vella fil-film ta’ Jolie u Pitt
“Id-deċiżjoni li Josephine Vella, omm is-Sindku Laburista f’Ta’ Sannat Għawdex, Philip Vella, tiġi ingaġġata fir-rwol ta’ Segretarja tad-Direzzjoni tal-film ‘By the Sea’ li qed jinġibed f’Imġarr ix-Xini, tammonta għal kunflitt ta’ interess. Aħna nikkundannaw din it-tip ta’ attitudni u niddikjaraw li ma konniex konxji ta’ din il-ħatra”.
Din id-dikjarazzjoni iebsa għamluha t-tliet kunsillieri Laburisti l-oħra fil-kunsill lokali f’Ta’ Sannat b’riferenza għall-istorja li żvela dan il-ġurnal il-ġimgħa l-oħra dwar is-sehem ta’ omm is-Sindku Philip Vella fil-film ta’ Angelina Jolie u Brad Pitt, film li se jkun qed jinġibed f’din il-bajja li taqa’ fil-konfini ta’dan il-kunsill b’maġġoranza Laburista.
Flimkien mas-Sindku – li qed jikkundannaw l-aġir tiegħu f’din id-dikjarazzjoni li bagħtu lil maltarightnow.com– it-tliet kunsillieri nisa Frances Galea (li hija l-Viċi Sindku), Maria Cassar Sultana u Margaret Said, jiffurmaw il-maġġoranza tal-Partit Laburista f’din il-lokalità Għawdxija fejn il-kunsill huwa ffurmat minn erba’ kunsillieri tal-Partit Laburista u wieħed tal-Partit Nazzjonalista.
Kien nhar il-Ħamis li dan il-ġurnal żvela kif omm is-Sindku Laburista ngħatat dan l-inkarigu mill-producers tal-film wara li l-Kunsill Laburista inizjalment kien talab kumpens konsiderevoli ta’ madwar miljun ewro lill-istess producers, imma għal xi raġuni din it-talba ma baqgħetx tiġi segwita.
Ħafna f’Ta’ Sannat kienu staqsew fuq liema bażi omm is-Sindku ntagħżlet għal din il-biċċa xogħol: x’kapaċitajiet għandha li jikkwalifikawha biex intagħżlet propju hi għal dan ir-rwol: u anke x’qed titħallas biex taqdi dan l-inkarigu.
Ir-residenti qed jistaqsu wkoll x’wassal biex il-kunsill Laburista ma baqax jinsisti bit-talba għal kumpens biex kif kien qed jingħad, il-flus jintużaw ħalli jitranġaw xi toroq u pjazez f’Ta’ Sannat.
Fid-dikjarazzjoni tagħhom, it-tliet kunsillieri Laburisti għamluha ċara li qed jiddisassoċjaw irwieħhom minn kwalunkwe irregolaritajiet li setgħu seħħew fil-kunsill lokali li jiffurmaw parti minnu, waqt li jiddikjaraw li huma ma kienu nfurmati b’xejn minn dan kollu. Imma jgħidu wkoll li b’xorti ħażina huma tħallew kompletament barra min-negozjati u t-taħditiet li saru, anke jekk kontinwament kienu qed jinsistu mas-Sindku li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-film. Waqt li jikkummentaw li kull darba li staqsew, dejjem kien hemm skuża lesta biex laqgħa bħal din ma ssirx.
Dwar dan il-każ, qabel ippubblika l-istorja esklussiva ta’ ġimgħa ilu, dan il-ġurnal bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-kunsill Laburista, li però, minkejja diversi reminders baqgħu mhux imwieġba.
It-tliet kunsillieri Laburisti, fid-dikjarazzjoni tagħhom, tkellmu dwar dan ukoll, u qalu li jiddispjaċihom li din il-korrispondenza nżammet mistura minnhom u ħadd ma nfurmahom li l-kunsill lokali li jiffurmaw parti minnu kien irċieva sett ta’ domandi dwar kwistjoni “taħraq” bħalma hija din, kif jiddeskrivuha t-tliet kunsillieri stess.
Galea, Cassar Sultana u Said itemmu d-dikjarazzjoni tagħhom billi jsostnu li ħassewhom obbligati li jsemmgħu leħinhom biex inaddfu isimhom minn dak li ġara fil-kunsill immexxi mis-Sindku Laburista Philip Vella, kif żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>

