Ekonomija Lokali

Jonqos il-ħin ta’ konsultazzjoni qabel il-baġit

Illum il-Gvern mistenni jippubblika d-dokument ta’ qabel il-Baġit għas-sena 2015.

Kuntrarju għal dak li kien isir fis-snin preċedenti, il-proċess ta’ konsultazzjoni għal baġit tas-sena d-dieħla jidher li se jkun qed jibda ferm aktar tard mis-soltu.

Fil-fatt, fil-leġislaturi preċedenti, id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit dejjem kien jiġi pubblikat f’nofs Lulju, jew l-aktar tard, fil-bidu ta’ Awwissu. U dan kien jagħti ċans lill-unions u l-imsieħba socjali biex ifasslu ideat u proposti li jorbtu mal-pjan li jkun qed iressaq il-Gvern f’dan id-dokument.

Fattur importanti li mistenni jikkaratterizza l-Baġit li se jiġi preżentat din is-sena huwa marbut man-nefqa tal-Gvern.

Huwa fatt magħruf li mill-elezzjoni generali ‘l hawn, il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu bi kbir, fejn hu stmat li ż-żieda maċ-ċivil kienet ta’ madwar 1,900 ħaddiem. Dawn il-ħaddiema kollha qed ifissru piż akbar fuq il-finanzi pubbliċi.