Ir-Russja għandha tbiddel l-istrateġija militari tagħha b’riżultat tal-kriżi mal-Ukrajna u minħabba l-preżenza tan-NATO fl-Ewropa tal-Lvant.
L-Alleanza tal-Punent qalet li għandha żżid il-preżenza tagħha fl-artijiet Ewropej tal-Lvant biex tipproteġi lill-membri tagħha, u, għaldaqstant, Mikhail Popov, konsulent ewlieni għall-Kremlin ta’ Moska, tkellem dwar il-bidliet li għandhom isiru fid-‘duttrina’ militari tar-Russja.
Il-fatt li r-relazzjonijiet tar-Russja mal-Istati Uniti u n-NATO qalbu għall-agħar għandu jkun rifless f’din l-istrateġija militari aġġornata. Dan waqt li l-Armata tal-Ukrajna qed tikkumbatti kontra r-ribelli separatisti fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.
Il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna diġa akkuża lir-Russja b’li qed tħejji għal ‘gwerra kbira’ li tista’ ssarraf f’għexieren ta’ eluf ta’ mejtin. Madankollu, Moska qed tiċħad għal dan u kompliet tirrifjuta li hi qed tappoġġja b’mod attiv lir-ribelli separatisti fl-Ukrajna li jridu l-għaqda mar-Russja.
Min-naħa tiegħu, Mikhail Popov, qal li l-infrastruttura militari tal-pajjiżi tan-NATO qed tavviċina l-fruntieri tar-Russja. Hu saħaq li l-azzjonijiet li qed tieħu l-Alleanza tal-Punent jinkwadraw fost l-akbar ‘theddid esterni’ għal pajjiżu.
Intant, Popov kompla li l-azzjoni li qed tippjana n-NATO tindika anki x-xewqa tal-Mexxejja ta’ din l-Alleanza u tal-Istati Uniti biex ikomplu bil-politika maħsuba li tiggrava t-tensjoni mar-Russja.
L-Ukrajna u r-Russja dejjem eqreb lejn stat ta’ gwerra
