Internazzjonali

Ostaġġ Amerikan ‘maqtul mill-IS’

Il-grupp militanti Stat Islamiku (IS) iċċirkola filmat li qed jingħad li juri l-qtil tal-ġurnalista Amerikan, Steven Sotloff, li kien qed jinżamm ostaġġ minn dawn il-ġellieda.

Il-filmat juri aggressuri ‘qed jaqtgħu ras il-ġurnalist’, b’militanti li jidher fil-video jhedded ukoll li joqtol ostaġġ ieħor li jingħad hu Britanniku.

Steven Sotloff kien sparixxa fis-Sirja fl-2013 u proprju x-xahar li għadda hu kien deher fl-aħħar tal-filmat li kien qed juri l-qtil ta’ James Foley, ġurnalista Amerikan ieħor taħt idejn l-IS.

Ftit wara li beda jiċċirkola l-filmat, il-familja ta’ Sotloff kienu kkuntattjati u qalu li kienu konxji mid-destin ta’ binhom.

Omm dan il-ġurnalista ftit tal-jiem ilu kienet appellat lill-Kap tal-Istat Iżlamiku Abu Bakr al Baghdadi biex ma joqtolx lil binha. Dan wara li kienu dehru l-filmati tal-qtil ta’ James Foley fuq il-mezzi tal-midja soċjali.

Kelliema għall-White House tal-Istati Uniti qalu li uffiċjali Amerikani qed jinvestigaw ir-rapporti dwar il-qtil barbaru ta’ Steven Sotloff.

L-Istati Uniti fl-aħħar jiem wettqet diversi attakki mill-ajru kontra l-miri tal-grupp Stat Iżlamiku fl-Iraq.

Sadanittant, l-osservaturi qed jgħidu li l-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku qed joqtlu lill-ostaġġi u jiġbdu filmati tagħhom (li imbgħad joħorġuhom fuq il-websajts) bħala mezz biex ipattuha lill-Amerikani għal dawn l-attakki.

Fil-fatt, l-allegat qattiel ta’ Sotloff, fil-filmat, ifisser l-azzjoni li jkun qed iwettaq bħala vendikazzjoni għall-attakki tal-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq il-ġellieda tagħhom u fl-istess ħin jixli lill-President Amerikan Barack Obama dwar “il-politika barranija arroganti tiegħu fil-konfront tal-grupp Stat Iżlamiku.”