Ewropa Lokali

Pressjoni fuq Muscat biex il-Kummissarju Malti tkun mara

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab taħt pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea sabiex il-Kummissarju l-ġdid li se tkun qed tinnomina Malta, tkun mara. Dan minkejja li Muscat innifsu diga’ ikkommetta ruħu mal-Perit Karmenu Vella sabiex ikun hu l-isem nominat minn pajjiżna, hekk kif fix-xhur li ġejjin tkun qed tinħatar il-Kummissjoni l-ġdida.

Skont artiklu pubblikat fit-Times, jingħad li minn Brussell hemm pressjoni kbira sabiex minn Malta ikun hemm nomina ta’ Kummissarju Ewropew mara, bil-wegħda li jekk dan iseħħ, il-portafol tal-Kummissarju minn Malta ikun wieħed aktar attrajenti.

L-istess ġurnal ifakkar illi l-President-elett tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker jixtieq 9 Kummissarji nisa. Iżda s’issa hemm biss sitt pajjiżi li ressqu l-isem ta’ mara għall-Kummissjoni l-ġdida.

Jirriżulta li Juncker qed jieħu din il-materja b’serjeta’ kbira, tant illi qed jinsisti li l-Kummissarji nisa se jkollhom f’idejhom setturi importanti ħafna, u portafolli li jġorru magħhom ċertu piż, iżda fl-istess waqt, stima.

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea kien kwotat jgħid mit-Times illi l-Gvern Malti ġie avviċinat biex jerġa’ jahsibha dwar in-nomina tal-Ministru Karmenu Vella. “Ahna m’għandna xejn kontra Karmenu Vella, iżda nippreferu mara kompetenti”, qal l-istess sors fil-kummenti li għadda lil dan il-ġurnal.

In-nomini imressqa mill-pajjiżi membri tal-UE kellhom jaslu għand Juncker sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.