Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Somalu li ħebb għal żewġ Pulizija

Somalu ta’ 24 sena ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li  ħebb għal żewġ Pulizija ilbieraħ għall-ħabta tas-5.45 a.m. f’Paċeville, San Ġiljan.

Ahmed Moogie Ahmed residenti l-Gżira ammetta li attakka bi vjolenza lill-kuntistabbli Daniel Zammit li spiċċa qabdu minn għonqu u li pprova jigdem lill-kuntistabbli Joseph Camilleri, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-każ seħħ meta numru ta’ Pulizija li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda lemħu lil Ahmed f’telephone box fis-sakra u jgħajjat. Huma marru jaraw x’kien ġara u dan ħebb għalihom. Fil-Qorti s-Somalu skuża ruħu.

Huwa ammetta wkoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li kiser l-ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li nstab fis-sakra f’post pubbliku, f’sitwazzjoni li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana.