Somalu ta’ 18-il sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman li nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Settembru għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofs inhar ipprova jħalli Malta lejn Copenhagen mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta b’passaport mhux tiegħu. Huwa nqabad hekk kif ppreżenta l-passpaort fiċ-“check in”.
Kien hawn fil-fatt li l-uffiċjali ġiehom suspett li huwa kien qed jipprova jitlaq minn Malta b’passport ta’ ħaddieħor u għalhekk kienu nfurmati l-Pulizija. Is-Somalu qal lill-Pulizija li huwa xtaq imur ħdejn oħtu li tgħix id-Danimarka.
Abas Ali Hanishi ġie mixli li kellu fil-pusses tiegħu passaport ta’ ċertu Kalif Ahmed Andirahman u li għamel dikjarazzjoni falza lill-uffiċjal tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien lest li jammetti, iżda jekk dan jingħata l-massimu ta’ sentenza sospiża.
Il-Maġistrat Hayman qalet li hi ma tagħmilx ftehim bħal dan, u ma’ ħadd. Is-Somalu wieġeb mhux ħati tal-akkużI miġjubin kontrih bl-avukat tiegħu lanqas biss jagħmel talba għal liberta’ proviżorja u għalhekk baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Edel Mary Camilleri.
//= $special ?>

