Lokali Qorti

Żewġ Libjani ferew lil xulxin fuq argument dwar il-gwerra fil-Libja

Żewġ Libjani, studenti li jinsabu Malta, spiċċaw ferew lil xulxin wara li l-passjoni tagħhom dwar il-gwerra fil-Libja qabżet il-limitu. Sofyan Salem minn Tripli u ta’ 22 sena u Fathi Ahmed Al Gamudi ta’ 29 sena minn Mizurata spiċċaw l-isptar minħabba li attakkaw lil xulxin fuq argument dwar kif it-tribujiet wasslu għall-gwerra fil-Libja.

Iż-żewġ Libjani ħafru lil xulxin bil-Maġistrat Miriam Hayman tgħidilhom li dak li qed jiġri fil-Libja huwa ħażin, “ j’Alla ma jkollkomx gwerra f’pajjiżkom u tippruvawx iġibu l-gwerra l’hawn” kompliet tgħid il-Qorti.

It-tnejn spiċċaw bi ġrieħi gravi, b’Salem jispiċċa b’idejh infaxxata u problemi fil-ligamenti ta’ idu l-leminija filwaqt li Al Gamudi spiċċa bi ġrieħi taħt għajnejh. Il-Libjani li ħafru lil xulxin ammettew li fid-9 ta’ Awwissu li għadda. fil-jum tal-inċident, wettqu ġrieħi gravi fuq xulxin, li kellhom il-ħsieb li jagħmlu offiża, li qajjmu rewwixta, u li kisru l-paċi publika u l-ordni.

L-Avukat Leon Bencini li flimkien mal-Avukat Noel Bartolo deher għal Libjani qal li dak li seħħ ġara waqt passjoni tal-mument. L-Ispettur Elton Taliana mexxa l-Prosekuzzjoni.