Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Bżonn immedjat ta’ azzjoni dwar l-Ewropej li qed jingħaqdu mal-ġellieda estremisti

L-Unjoni Ewropea trid tieħu azzjoni aktar b’saħħitha għall-estrmiżmu li jeżisti fl-Ewropa. Dan kien l-appell tal-Membru Parlamentari Ewropew Malti Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u Parlamentari Ewropej oħrajn fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew, fejn saħqet ukoll biex l-UE timponi miżuri aktar b’saħħithom fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej bi twemmin radikali li qed jingħaqdu mal-estremisti fiż-żoni fejn hemm kunflitt biex ixerrdu l-mibgħeda u jingaġġaw fi ħdanhom aktar persuni mill-UE.

Metsola qalet li dak li ġara fl-aħħar jiem hu ta’ tħassib u l-UE għandha taġixxi malajr kemm jista’ jkun qabel ma dan il-fenomenu jkompli jaħrab mill-kontroll tal-pajjiżi. Saħqet li filwaqt li l-UE trid tibqa’ żżomm f’moħħha r-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-UE għandha bżonn strateġija ġdida għas-sigurtà li timxi fuq il-passi tar-Radicalisation Awereness Network, li ġiet imnedija fis-snin li għaddew.