Ħidma li għamlet il-Pulizija fl-aħħar jien wasslet sabiex jinqabdu 18-il kilogramma ta’ ħaxixa tal-kannabis u jiġu arrestati erba’ persuni.
Wara investigazzjoni dwar importazzjoni f’Malta ta’ droga ħaxixa tal-kannabis, il-Pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga wasslet sabiex nhar it-Tnejn li għadda tard filgħaxija, taqbad is-sustanza li kienet għadha kif daħlet ġewwa Malta minn Sqallija.
B’konnessjoni ma’ din il-qabda, il-Pulizija qed iżżomm għal aktar investigazzjonijiet, raġel ta’ 37 sena u mara ta’ 36 sena residenti f’Tas-Sliema, ġuvni ta’ 32 sena residenti l-Gżira kif ukoll raġel ta’ 41 sena ta’ nazzjonalita’ Ingliża, residenti l-Imsida.
Il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin, illum il-Pulizija ressqet żewġ persuni l-Qorti b’konnessjoni ma’ dan il-każ u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti persuni oħra fil-jiem li ġejjin.


