Lokali

Filmat: Memorji mit-twelid ta’ Malta Indipendenti waqt Riċeviment għall-attivisti u t-tesserati tal-PN fl-1 u t-8 Distrett

F’dawn il-jiem, pajjiżna qed ifakkar il-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. Ħafna huma dawk li għadhom jiftakru l-atmosfera fix-Xagħra tal-Furjana meta mat-tokki ta’ 12am sbieħ il-21 ta’ Settembru 1964, raw il-bandiera Ingliża nieżla għall-aħħar darba u minflokha titla’ l-bandiera Maltija.

Fost dawn hemm Marietta Caruana li, 50 sena wara, għajnejha għadhom ileqqu meta tiftakar f’dak il-jum. Dakinhar, Marietta kienet għadha żagħżugħa u kienet tagħmel parti mill-kor li kanta l-Innu Malti f’dak il-mument indimentikabbli li welled lil Malta Indipendenti.

Mal-mikrofonu ta’ MaltaRightNow.com, Marietta tispjega kif hi kienet parti mill-Kor ta’ Dun Ġużepp tal-Ħamrun, li kien intagħżel biex ikanta l-Innu Malti waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza. Iżda minkejja li, kif wieħed jistenna, il-memorji mhumiex daqshekk friski wara 50 sena, Marietta għadha tiftakar il-ftit biża’ li kellha sakemm kollox imur sew.

Marietta tkellmet ma’ MaltaRightNow.com meta lbieraħ filgħaxija attendiet Riċeviment li l-Partit Nazzjonalista organizza għall-attivisti u t-tesserati tal-1 u t-8 Distrett. Ir-Riċeviment sar fl-Uffiċċju PN ta’ Santa Venera, Fleur-de-Lys, propju bħala parti mill-attivitajiet organizzati mill-PN għall-50 anniversarju tal-Indipendenza.

F’diskors qasir waqt ir-Riċeviment, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Partit għandu jirkeb fuq is-suċċessi li kiseb għal pajjiżna biex iħares b’ottimiżmu lejn il-futur. Hekk kif 50 sena ilu, il-PN kellu l-kuraġġ u l-viżjoni li jfassal il-futur għal pajjiżna, hekk ukoll issa jrid ikollu l-istess kuraġġ biex jiffaċċja l-isfidi li għandu quddiemu.

Lejn tmiem l-attività, tqassmu tifkiriet lil numru ta’ eks Deputati Nazzjonalisti li kienu jirrappreżentaw lil dawn id-Distretti fil-leġislaturi ta’ bejn l-1964 u l-2014. Fost id-Deputati, kien hemm ukoll il-President Emeritus, eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN Eddie Fenech Adami.