Għat-tielet sena, ix-Xjenza u l-Arti qed jingħaqdu fl-attività “Science in the City”, li tittella’ fil-Belt bil-għan li l-importanza u l-kontribuzzjoni tax-Xjenza fil-ħajja ta’ kuljum tkun spjegata lill-pubbliku. Dettalji dwar din l-attività, imtella’ mill-Università ta’ Malta, mill-Fond tar-Riċerka u Żvilupp tal-Università u mill-Kamra tax-Xjenzati, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università l-Qadima fil-Belt. Minbarra f’Malta, il-lejl tas-26 ta’ Settembru se jkun iddedikat għax-Xjenza u t-Teknoloġija f’diversi bliet ewlenin madwar l-Ewropa, f’dik li hi magħrufa bħala l-European Researchers Night.
Il-Kordinatur tal-Proġett Prof Alex Felice fisser uħud mill-attivitajiet li se jsiru matul il-lejl, li jvarjaw minn wirjiet u stallazzjonijiet tal-arti għal wirjiet, reċtar, dibattiti, esperimenti u attivitajiet interattivi oħrajn li jħeġġu l-komunikazzjoni kreattiva tax-Xjenza u li joffru opportunitajiet ta’ divertiment u tagħlim. Entitajiet oħrajn li se jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-lejla huma fost l-oħrajn l-Meusac, il-Lufthansa Technik u l-għaqdiet tal-istudenti Universitarji relatati max-Xjenza.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni V18 Jason Micallef, li qed tappoġġja l-attività. Jason Micallef qal li din l-attività hi waħda importanti u li taghti bidu għal ġimgħa ta’ tħejjijiet li jwasslu għan-Notte Bianca, li din is-sena se ssir fl-4 ta’ Ottubru. Qal ukoll li fil-jiem li ġejjin, il-Fondazzjoni V18 se tippreżenta dehra ġdida wara eżerċizzju ta’ rebranding.
//= $special ?>