Internazzjonali

Il-filmat bil-qtil ta’ Steven Sotloff iddikjarat bħala awtentiku mill-awtoritajiet

Il-filmat mill-militanti Iżlamiċi fis-Sirja (ISIS) li xxandar ilbieraħ bil-qtil brutali tat-tieni ġurnalist Amerikan Steven Sotloff, qajjem reazzjoni ta’ kundanna kbira madwar id-dinja, hekk kif fis-sigħat li għaddew il-filmat kien iddikjarat awtentiku mill-awtoritajiet.

Il-qtil ta’ Sotloff kellu ħafna xebħ mal-ewwel wiehed, ta’ ftit jiem ilu, li fih inqatel il-ġurnalist Amerikan James Foley. Il-qattiel, li x’aktarx hu l-istess wiehed, hu suspettat li hu Ingliż u l-filmat jagħlaq b’ostaġġ ieħor, din id-darba Ingliż, bil-qattiel iwissi li se jinqatel jekk l-Istati Uniti tkompli tattakka l-militanti Iżlamiċi.

Sotloff kien intwera wkoll lejn l-aħħar tal-filmat tal-qtil ta’ Foley, ukoll bi twissija biex l-Istati Uniti u l-Punent ma jkomplux jattakkaw lill-militanti Iżlamiċi fl-Iraq. Hu kien għeb tul il-fruntiera Torka mas-Sirja f’Awwissu 2013.

Ftit wara li l-filmat ittella’ fuq l-internet, l-Istati Uniti ħabbret li se żżid il-preżenza militari fl-Iraq bi 350 suldat. Dan hekk dawn il-filmati qed jitqiesu bħala sinifikanti ħafna għax juru li għalissa l-unika arma tal-ISIS kontra l-Punent hu l-qtil ta’ ostaġġi barranin, b’enfażi ta’ brutalità fuq l-internet biex tqanqal il-biża’ fil-Punent.

Barra minhekk, it-theddda ta’ qtil ta’ ostaġġ Ingliż, f’dan it-tieni filmat, juri li l-militanti Iżlamiċi ma jagħmlu ebda distinzzjoni dwar min hu l-għadu. Dan minkejja li r-Renju Unit żamm pass lura fl-impenn militari fl-Iraq u l-attakki mill-ajru saru biss mill-Istati Uniti.

Tul dan l-aħħar xahar, l-Istati Uniti wettqet aktar minn 120 attakk mill-ajru biex tipprova trażżan lill-militanti Iżlamiċi fl-Iraq.