Il-Parlament Malti għandu jpoġġi fuq l-aġenda tiegħu l-Private Members Bill li ressqet l-Oppożizzjoni u li jitratta l-problema tal-obeżità, li tinsab fuq moħħ bosta Maltin u Għawdxin. Dan il-Bill kien tressaq fil-Parlament mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar f’Ġunju li għadda, iżda sal-lum baqa ma ġiex diskuss.
Dan is-suġġett ġie trattat waqt żjara li Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech għamlu fil-bini ta’ Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa. Matul iż-żjara, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni kienu assistiti miċ-Chairman tad-Dar Anton Grech, mis-Segretarja tal-Fondazzjoni Dar Kenn għal Saħħtek Darleen Zerafa, kif ukoll mill-President Emeritus George Abela.
Robert Cutajar qal li hu diżappuntanti li l-Gvern m’għamilx l-isforzi neċessarji biex dan il-Bill jiġi diskuss qabel il-waqfa għas-Sajf. Ħabbar ukoll li waqt l-attivitajiet fuq il-Fosos biex jitfakkru l-50 sena ta’ Malta Indipendenti, bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza dik li se tkun magħrufa bħala l-Healthy Living Corner. F’din iż-żona, se jsiru numru ta’ diskussjonijiet u se jintuża’ wkoll apparat marbut ma’ ħajja b’saħħitha. Tħabbar ukoll li l-amministrazzjoni ta’ Dar Kenn għal Saħħtek aċċettat l-invit tal-PN biex tipparteċipa f’din l-inizjattiva.
Min-naħa tiegħu, Claudio Grech fakkar kif il-PN qed isostni l-impenn tiegħu biex nersqu dejjem aktar lejn politika ta’ kunsens fis-settur tas-saħħa. Sostna li permezz tad-djalogu u l-impenn tal-Gvern, l-Oppożizzjoni u numru ta’ entitajiet mhux governattivi, il-problemi f’dan is-settur jistgħu jiġu ffaċċjati b’serjetà. Fl-interventi tagħhom, kemm Robert Cutajar kif ukoll Claudio Grech esprimew il-gratitudni tagħhom għax-xogħol siewi u importanti li jsir f’dan il-bini.
//= $special ?>