Lokali Saħħa

Il-PN ikompli bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar is-Saħħa: illum żjara lil Richmond Foundation

Richmond Foundation hi fondazzjoni li tipprovdi servizzi fil-komunità għal persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha hu li taħdem biex jiżdied l-għarfien dwar dan is-suġġett, filwaqt li tiġi megħluba l-istigma dwar il-kura tas-saħħa mentali.

Waqt żjara f’Richmond Foundation, akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Antoinette Shah, il-Kelliema għall-Oppożizzjoni Claudio Grech u Claudette Buttigieg saħqu li l-kura tas-saħħa mentali għandha tingħata aktar importanza fl-iżvilupp tal-politika tas-saħħa f’pajjiżna. Qalu li hemm bżonn li l-Gvern jagħti l-prijorità mistħoqqa lil dan is-settur, b’mod partikolari għall-faċilitajiet tat-tfal, filwaqt li jalloka l-finanzjament u l-għodda kollha neċessarji ħalli ma jerġgħux jirrepetu ruħhom l-iżbalji li seħħew matul din is-sena.

Iż-żjara tad-Deputati Nazzjonalisti saret bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dwar il-politika tiegħu fil-qasam tas-saħħa. Il-Kelliem dwar is-Saħħa Claudio Grech spjega kif permezz tal-Att dwar is-Saħħa Mentali, f’pajjiżna tpoġġew is-sisien biex dan il-qasam jagħmel żviluppi kbar fil-qafas legali u fid-dimensjoni amministrattiva li jopera fih.

Din il-Liġi stabbiliet il-bżonn li l-kura tas-saħħa mentali tibda toħroġ ‘il barra mill-Isptar Monte Carmeli u tibda tilħaq aktar pazjenti fil-komunità. Claudio Grech sostna li pajjiżna jixraqlu servizz proattiv, innovattiv u qrib il-pazjent fil-komunità.

Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg faħħret il-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond, li kienet minn ta’ quddiem biex tinħoloq kuxjenza wiesgħa fil-media dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna. Qalet li kull Gvern għandu jagħraf l-importanza ta’ kulmin qed jipprovdi servizz ta’ kwalità u professjonali fil-komunità, iżda għandu jgħin biex dan is-servizz ikompli jinfirex u jissaħħaħ għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija.

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-proposta li għamel dan l-aħħar il-PN biex il-Gvern jidħol f’long-term partnership agreements ma’ organizzazzjonijiet bħal Richmond Foundation, f’qafas li fih dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom rwol definit, rikonoxxut u adekwatament iffinanzjat, li jippermettilhom isostnu l-ħidma tagħhom fit-tul.