L-Iżbilanċ tal-Gvern żdied bi kważi €50 miljun fl-ewwel sitt xhur tal-2014, iżda skont il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, il-Gvern għandu jieħu madwar €41 miljun mill-Enemalta ladarba jintlaħaq il-ftehim dwar l-enerġija. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi stess f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tnieda d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit 2015, li jinkludi diversi ċifri dwar l-andament ekonomiku tal-ewwel nofs tal-2014. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Ministeru tal-Finanzi se jorganizza ħames laqgħat pubbliċi dwar il-Baġit 2015.
Il-Ministru Scicluna qal li s-settur tas-Saħħa hu l-aktar settur li qed ipoġġi pressjoni fuq il-finanzi tal-Gvern u qal li hu settur li hu mimli ineffiċjenzi. B’kollox, il-Welfare State jiswa aktar minn €1 biljun fis-sena u Edward Scicluna tenna li fejn hu possibbli, il-benefiċċji se jkunu marbuta ma’ inċentivi biex wieħed jgħin ruħu u ma jibqax fuq il-benefiċċji. Dan jidher ċar ukoll mit-titlu tad-Dokument “Noħolqu opportunitajiet u mhux dipendenzi”, sostna l-Ministru Scicluna.
Dwar iż-żieda fil-ħaddiema fis-servizz pubbliku, il-Ministru tal-Finanzi ġġustifika din iż-żieda b’termini perċentwali għax il-figuri juru li minkejja ż-żieda ta’ 1,900 persuna fis-settur pubbliku, is-settur pubbliku baqa’ l-istess bħala proporzjon tas-suq tax-xogħol. Minkejja ż-żidiet fin-nefqa tiegħu, il-Gvern xorta qed jimmira li d-defiċit għall-2014 ikun tniżżel għal 2.1% tal-Prodott Gross Domestiku.
//= $special ?>