Editorjal

Editorjal: Impjiegi mal-gvern, mira ta’ 500 anqas, żieda ta’ 1,900

Qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista wiegħed li jibbilanċja l-budget tal-Gvern – jonfoq biss dak li jdaħħal. U wara l-elezzjoni qal lill-Unjoni Ewropea kif irid jagħmel dan billi jnaqqas 500 ruħ fis-sena minn mal-gvern. Dak kien il-paroli.

Żbilanċ ta’ 310 miljun f’seba’ xhur, 50 miljun aktar
Issa bdew jirriżultaw il-fatti, u billi ilu aktar minn sena fil-gvern, il-Partit Laburista ma jistax iwaħħal f’ta’ qablu. Mhux talli ma nefaqx daqs kemm daħħal, talli f’seba’ xhur nefaq 310 miljun ewro aktar milli daħħal. U dan l-iżbilanċ ta’ 310 miljuni hu 50 miljun aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Qal lill-Unjoni Ewropea li ried inaqqas in-nies
Il-biċċa l-kbira ta’ din iż-żieda fl-iżbilanċ hi f’pagi, b’raġuni ewlenija hi li l-Gvern f’sena żied miegħu 1,900 ħaddiem. Dik hi ż-żieda, għax daħħal ferm aktar. Il-Ministru tal-Finanzi qal lill-Unjoni Ewropea li minn mal-gvern jirtiraw 1,500 fis-sena. U qalilha li, se jkun qed jimpjega flokhom elf biss ħalli jnaqqas 500 fis-sena.

Daħħal 3,400 mal-gvern f’sena
Il-fatti huma l-kontra. Flok naqqas 500, żied 1,900. Jiġifieri daħħal 1,500 flok dawk li rtiraw u żied magħhom 1,900. Mela daħħal 3,400 ruħ mal-gvern – f’sena.

Qal lill-Ewropa li m’hemmx bżonnhom
Issa, kieku dat-3,400 impjieg hemm bżonnhom, m’hemm xejn ħażin, anzi tajjeb. Imma hu dal-Gvern stess li qal lill-Ewropa li m’hemmx bżonnhom u li se jnaqqas 500 ruħ fis-sena. U qabel u wara l-elezzjoni pprietka ħafna li jrid ‘jagħmel aktar b’anqas’.

30 miljun ewro aktar f’pagi f’seba’ xhur
Barra minn dan, kieku dawn l-impjiegi qed jitħallsu minn xi benefattur ġeneruż, tgħid paċenzja. Imma dawn il-pagi – 30 miljun ewro aktar f’seba’ xhur – qed jitħallsu mit-taxxi tagħna lkoll.

Xiri ta’ voti bit-taxxi tagħna lkoll
Fl-agħar żminijiet tal-Labour, l-impjiegi mal-gvern kienu mod wieħed fost ħafna kif il-Labour kien jixtri l-voti bi flus il-poplu. Kandidat Laburista kien anke għamel lotterija bil-premju impjieg mal-gvern.

Mill-1987, l-impjiegi mal-privat kważi rduppjaw
Minn dak iż-żmien, l-impjiegi mal-gvern naqsu minn 55,000 għal 40,000, parti bil-privatizzazzjoni u parti b’aktar effiċjenza mgħejjuna minn teknoloġiji ġodda. U Gvernijiet Nazzjonalisti ħolqu impjiegi produttivi mal-privat tant li mill-1987, waqt li l-impjiegi mal-gvern naqsu, mal-privat kważi rduppjaw, minn 65,000 għal 115,000.

Ħabi tal-qgħad b’impjiegi mal-gvern
Għal-Labour, imma, reġa’ l-imgħoddi tal-klijenteliżmu bi flusna lkoll, ta’ ekonomija li ma toħloqx biżżejjed impjiegi mal-privat, u tal-ħabi tal-qgħad b’impjiegi mal-gvern. Ħasra, għax wiret ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol produttiv.