Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) ta bidu għal numru ta’ xogħolijiet ta’ rinnovament fi “Blokka M” tal-Kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, bl-iskop li mis-sena akkademika li tibda f’Ottubru l-Blokka tilqa’ fiha l-istudenti. Madankollu, jirriżulta li dawn ix-xogħolijiet, li suppost inkisbu għalihom fondi mill-Unjoni Ewropea, issa spiċċaw qed isiru minn Ħaddiema taċ-Ċivil u b’materjal mixtri minn fondi tal-MCAST.
It-tender, li miegħu kien hemm marbutin fondi tal-UE bi żmien stipulat, ma ġiex ipproċessat kif suppost, bir-riżultat li dawn il-fondi se jintilfu. Aktar kmieni din is-sena, inħarġet sejħa għall-offerti biex kuntratturi privati interessati f’dawn ix-xogħolijiet jissottomettu l-interess tagħhom li jagħmlu dan ir-rinnovament. Madankollu, issa qed jirriżulta li minħabba tmexxija ħażina fl-MCAST, dawn ix-xogħolijiet li suppost qed isiru b’għajnuna minn fondi tal-UE qed isiru mill-Gvern u għalhekk qed jintilfu l-fondi tal-UE maħsubin għal dan il-proġett.
Barra minhekk, dawn ix-xogħolijiet ta’ rinnovament qed isiru fi blokka ta’ bini li fi żmien sentejn jew tlieta trid titwaqqa’ biex minflokha tinbena blokka ġdida, li tkun tikkumplimenta l-bqija tal-bini l-ġdid li qed jinbena fl-MCAST. Aktar kmieni din is-sena, it-tmexxija tal-MCAST kienet fil-mira ta’ kritika ħarxa dwar dan l-infieq fuq xogħolijiet temporanji li se jservu biss għal ftit snin, jekk mhux xhur. Madankollu, il-Ministeru tal-Edukazzjoni baqa’ ma ntervjeniex bir-riżultat li issa mhux biss qed isiru x-xogħolijiet ta’ rinnovament, iżda dawn qed isiru bla ma qed ikunu wżati l-fondi tal-UE.
Dan kollu jrid jittieħed ukoll fil-kwadru tal-fatt li l-finanzi tal-MCAST jinsabu fi żbilanċ qawwi. Għalhekk, dawn ix-xogħolijiet ta’ natura temporanja se jkomplu jżidu fuq dan id-defiċit f’livell allarmanti. Barra minhekk, dan il-proġett tax-xogħolijiet ta’ rinnovament fuq “Blokka M” kien żdied għall-għarrieda u mingħajr ma kien mistenni jew ippjanat fis-sejħa għall-offerti li kienet inħarġet. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li dak li għaddej minnu l-MCAST juri bl-aktar mod ċar kif il-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni tilef kull kontroll fuq il-Kulleġġ, kif jixhdu wkoll numru ta’ ċirkostanzi oħrajn li seħħew fix-xhur li għaddew.
L-MCAST tiċħad din l-aħbar
Fi stqarrija, l-MCAST ċaħdet bl-aktar mod qawwi u kategoriku din l-aħbar. L-istqarrija qalet li l-artiklu hu skorrett u żbaljat, li se jservi biss biex jagħmel ħsara lill-istudenti tal-MCAST. L-MCAST tiddikjara b’mod ċar li mhux minnu li l-MCAST se titlef Fondi Ewropej. Bil-maqlub ta’ dak li ntqal fl-artiklu, l-MCAST applikat b’suċċess għall-Fondi Ewropej li ġew frankati minn proġetti oħrajn u dawn qed jintużaw biex jiġi attrezzat “Blokk M” fl-MCAST bl-aħħar apparat teknoloġiku ħalli takkomoda studenti tal-IT fi ħdan l-MCAST, sostniet l-istqarrija.
//= $special ?>