Qorti

Liberat fuq każ ta’ hold up f’pompa tal-petrol minħabba nuqqas ta’ provi

Clayton Cremona, ta’ 29 sena mill-Mosta, ġie lliberat minn każ ta’ hold-up fuq pompa tal-petrol f’Ħal Tarxien minħabba xhieda konflinġenti ta’ xhud li ta l-verżjoni tiegħu lill-Pulizija. Hu ma nstabx ħati li fit-28 ta’ Ottubru 2005, għall-ħabta tal-3.40pm, ikkommetta serq ta’ somma flus mill-pompa St. Rita Service Station fi Triq il-Barrani, meta mar fil-post b’wiċċu mgħotti u kellu senter isserrat.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li min wettaq il-hold-up kien b’wiċċu mgħammad u li l-Pulizija ressqet lil Cremoma sempliċiment fuq xhieda ta’ ċertu Max Wayne Camilleri, li fl-inkjesta qal li meta moħħu kien aktar frisk leħen l-aggressur kien oħxon u kien persuna ta’ statura kbira. Il-Qorti qalet li m’għandhiex dubju li Camilleri kien involut fil-hold-up u biex jipprova jiskolpa lilu nniffsu waddab kollox fuq ħaddieħor.

Madankollu, il-Qorti nnutat li fil-proċess dan bidel il-verżjoni tiegħu fis-sens li kien qed jagħraf lil Cremona bħala dak li wettaq il-hold-up. Dan qal ukoll li xi ġimgħa qabel ma seħħ il-każ, kien iltaqa’ ma’ Cremona, li kien fil-kumpanija ta’ Jonathan Felice, magħruf bħala “Il-Baglu”. Dawn qalulu li kien se jsir hold-up fil-pompa tal-petrol imsemmija.

Għaldaqstant, dakinhar tal-hold-up qal li kien mar Ħal Qormi u ltaqa’ ma’ Cremona. Camilleri staqsieh jekk kienx hu li wettaq il-hold-up u li dan tah Lm35 biex ma jitkellem xejn. Qal li ma riedx iżomm il-flus, iżda fuq l-insistenza ta’ Cremoma kien żammhom. Tant ix-xhieda ma kinitx waħda kredibbli li darba minnhom, waqt kontro-eżami, Camilleri qal li mil-leħen biss ma tistax tagħraf persuna. Cremona ċaħad kull akkuża miġjuba kontrieh, inkluż li seraq karozza tat-tip Mazda 323.

Il-Qorti qalet ukoll li x-xhud prinċipali, Max Wayne Camilleri, ammetta hu stess li kellu problema ta’ droga u bix-xhieda dubjuża ta’ Camilleri, l-akkużat qatt ma seta’ jinstab ħati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u l-Ispettur Ramon Cassar.