Statistika ppubblika mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) terġa’ ttikkonferma li f’Lulju 2014 Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fil-bejgħ minn fost il-pajjiżi tal-UE. L-istatistika kkonfermat li Malta kellha tnaqqis ta’ 2.5% f’Lulju meta mqabbel ma’ Ġunju 2014. Wara Malta, ġiet il-Polonja bi tnaqqis ta’ 1.1% u l-Belġju u l-Awstrija bi tnaqqis ta’ 1%.
Il-pożizzoni ta’ Malta tikkontrasta ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn, fosthom il-Lussumburgu li rreġistra żieda ta’ 14% fil-bejgħ, l-Estonja li rreġistra żieda ta’ 9.2% u r-Rumanija li rreġistra żieda ta’ 6.3%. Il-Eurostat iffoka wkoll fuq il-kummerċ, fejn irriżulta li l-akbar tnaqqis kien reġistrat fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fl-Iżvezja, filwaqt li l-Portugall u l-Latvja rreġistraw l-akbar żidiet.
Sinjal ċar ta’ kemm qed jonqsu l-flus mill-but – il-PN
Għall-Partit Nazzjonalista, dawn ir-riżultati qed ikomplu juru li s-sidien tal-ħwienet Maltin u Għawdxin komplew ibatu l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ viżjoni ekonomika tal-Gvern għal pajjiżna, li fl-aħħar xhur qed twassal għal għafsa fil-pagi tal-familji Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u l-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono, il-PN qal li ċ-ċifra dwar pajjiżna tkompli tħasseb għal żewġ raġunijiet ewlenin:
– għall-fatt li huwa r-raba’ tnaqqis fl-aħħar sitt xhur, li jindika li din mhix sitwazzjoni iżolata iżda problema li qed issir aktar strutturali, kif diġà muri mill-fatt li l-importazzjoni naqset sostanzjalment fl-aħħar xhur;
– u għal-fatt li fil-medja, il-ħwienet tal-Unjoni Ewropea esperjenzaw tkabbir pożittiv, indikazzjoni li s-sitwazzjoni f’pajjiżna mhix il-frott ta’ xi sitwazzjoni internazzjonali mwegħra.
F’dan il-kuntest u fid-dawl ta’ indikaturi negattivi riċenti, fosthom it-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali, fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni, kif ukoll fl-investiment, il-PN appella biex il-Baġit 2015 jieħu inizjattivi konkreti li jerġgħu jqajmu l-attività ekonomika f’pajjiżna u jħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies.
//= $special ?>