Lokali Saħħa

Omm b’appell imqanqal għall-għajnuna

Omm ta’ żagħżugħ ta’ 18-il sena li jbati mill-iscoliosis qed tappella lill-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni immedjata u l-familja tiġi mgħejjuna biex tieqaf it-tbatija li għaddej minnha binhom.

Omm iż-żagħżugħ, Doreen Camilleri, fuq Facebook poġġiet ritratti li juru l-kundizzjoni ta’ dahar binha, li tliet snin ilu kellu jiġi operat. Madankollu, minħabba diversi problemi, din l-operazzjoni baqgħet tiġi posposta u sal-lum baqgħet qatt ma saret.

Dan id-dewmien wassal biex il-ġuvni kompla sejjer għall-agħar u llum spiċċa f’sitwazzjoni li jrid iqatta’ żmien twil barra minn pajjiżna biex jiġi kkurat meta l-Konsulent barrani jqatta’ biss ftit jiem fis-sena f’Malta.

L-omm kompliet li s-sena li għaddiet, wara ħafna ġiri u taħbit, ingħataw data għall-operazzjoni u f’Ottubru li għadda, il-ġuvni u missieru telgħu Stanmore fl-Ingilterra biex isir l-intervent.

Madankollu, fl-Ingilterra l-operazzjoni baqgħet ma saritx minħabba li l-ġuvni kellu pressjoni għolja ħafna. Dan għaliex hu jbati bil-kliewi, f’kundizzjoni li twassal biex titlagħlu l-pressjoni, kif ukoll minħabba l-eċitament tal-ġuvni, li kien qed isiefer għall-ewwel darba, wasslet biex hu kellu pressjoni għolja ħafna.

L-għada, wara ħafna skariġġ, il-ġuvni u missieru reġgħu rritornaw lejn Malta u llum, kważi sena wara, is-sitwazzjoni kompliet iggravat. L-omm spjegat li llum il-ġurnata binha qed isibha diffiċli ħafna biex jorqod u xi kultant biex jieħu n-nifs, bix-xewka ta daharu tkompli titgħawweġ dejjem aktar.

Fil-post fuq Facebook, l-omm staqsiet “x’għandu t-tifel agħar minn ħaddieħor, għalfejn din il-burokrazija kollha u x’poter għandu min hu fuq l-isptar, il-konsulenti u t-tobba f’dan ir-rigward”.

Kompliet tistaqsi jekk bħala ġenituri, hux jitolbu wisq li binhom ikun jista’ jgħix ħajja bħal żgħażagħ oħrajn u min se jerfa’ r-responsabbiltà, f’każ li t-tifel jiġrilu xi ħaġa.