Lokali Qorti

Raġel ta’ 50 sena mixli li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena

Raġel ta’ 50 sena mill-Belt ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li t-Tlieta filgħaxija kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena li kienet qed taħdem f’ħanut fi Strada Stetta fil-Belt.

Il-każ allegatament seħħ bejn id-9pm u l-11pm, meta Jesmond Nappa Licari pprova jixtri s-sigaretti mill-magna tal-ħanut, iżda din ma bdietx taħdimlu. Għaldaqstant, hu talab lit-tfajla biex tgħinu.

Hu mifhum li f’dan il-ħin huma kienu waħedhom fil-ħanut u t-tfajla tbaxxiet biex tipprova tara xi problema kien hemm fil-magna. Jidher li f’dan il-ħin hu beda jbusha, jgħannaqha u allegatament mess il-partijiet privati tagħha.

L-Ispettur Daryl Borg qal li l-Pulizija għandha f’idejha filmat tas-CCTV li juri r-reat li twettaq. Ingħad li l-akkużat kien qed jixrob f’ħanut ieħor meta mar fil-ħanut fejn allegatament seħħ ir-reat biex jixtri s-sigraretti.

Nappa Licari niżel fis-sular ta’ isfel tal-ħanut, fejn hemm il-magna, u meta ma rnexxielux jieħu s-sigaretti talab l-għajnuna lit-tfajla, li hi studenta u taħdem waqt il-vaganzi mill-iskola. Hu ġie mixli li b’għemil żieni kkorrompa lit-tfajla u li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tagħha, kif ukoll li arresta, żamm jew issekwestra lit-tfajla kontra l-volontà tagħha. Ġie mixli wkoll li ġab ruħu b’mod li ta fastidju lill-allegata vittma meta messu kien jaf li l-aġir tiegħu qed joħloq fastidju.

L-akkużat, li hu missier ta’ żewġt ibniet ta’ 25 sena u ta’ ftit xhur rispettivament, kif ukoll ta’ tifel ta’ 17-il sena, ġie mixli wkoll li għamel ħsara f’tieqa għad-dannu tal-Kummissarju tal-Pulizija u li kkommeta reat fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u mogħtija mill-Maġistrat Doreen Clarke fit-30 ta’ Settembru 2013.

Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Alessandro Lia, għamlet talba għal-libertà proviżorja fuq il-bażi li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li jekk dan jissemma’ jkun diġà ċċappas. Qal li kien qed jagħmel din it-talba skont il-Konvenzjoni Ewropea.

Il-Prosekuzzjoni opponiet għal din it-talba minħabba l-biża’ li jiġu kkontaminati l-provi, bit-talba kienet miċħuda mill-Qorti. Nappa Licari kien instab ħati u ngħata sentenza sospiża meta f’Mejju 2011 agredixxa lill-Ispettur Robert Vella waqt il-Finali tal-FA Trophy bejn Valletta u Floriana fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.