Lokali Saħħa

Sodisfazzjon mill-UĦM li Justyne Caruana qablet magħha dwar il-Carers

It-Taqsima Servizzi tas-Saħħa fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) irringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li saħqet pubblikament dak li l-UĦM kienet spjegat bħala diskriminazzjoni l-mod ta’ ħlas li jingħata lil Carers fl-isptarijiet.

Fil-laqgħa li l-UĦM kellha ma’ Justyne Caruana aktar kmieni din is-sena, il-UĦM kienet ippreżentat numru ta’ proposti, fosthom biex dawk il-ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ Caring fl-isptarijiet tal-Gvern u fir-Residenzi għall-Anzjani ikollhom struttura waħda u għandu jkollhom lok biex javvanzaw, bl-esperjenza u t-taħriġ.

Fi stqarrija, il-UĦM qlaet li din kienet issolvi l-anomalija li teżisti, fejn hemm sitt tipi ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol ta’ caring fis-swali, iżda li fl-aħħar tal-ġurnata jingħataw paga differenti minn sħabhom bl-istess xogħol. Fi programm televiżiv it-Tnejn li għadda, Caruana saħqet li dan mhux ġust u li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex dan ma jibqax isir.

Għaldaqstant, il-UĦM qed titlob li jibdew in-negozjati dwar dan il-każ biex din l-inġustizzja tissolva kemm jista’ jkun malajr, temmet tgħid l-istqarrija.