Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent hija mħassba serjament bl-aħbar li l-Enemalta se tinstalla smart meters fil-kmamar illegali fl-Armier. Fl-1 t’Awwissu 2008, il-KA flimkien mal-Kummissjoni ġustizzja u Paċi, fi stqarrija, kienu tennew ċar u tond: “M’għandniex nagħmlu tagħna art li mhix tagħna, u lanqas ma nistgħu nokkupaw kmamar b’mod illegali.” L-istqarrija kienet ħarġet bħala parti minn kampanja biex tinħoloq kuxjenza pubblika fuq aspetti kurrenti marbuta ma’ valuri soċjali u Nsara.
Mhux talli l-awtoritajiet passati u preżenti ma ħadux azzjoni ċara u determinata fil-każ tal-kmamar fl-Armier, talli jidher li issa dawn il-kmamar se jkunu pprovduti b’servizz illi jista’ jirrendihom legali.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tgħid li individwu, hu min hu, jokkupa art pubblika b’mod illegali jew abbużiv, u li l-awtoritajiet jikkondonu tali aġir bħallikieku xejn mhu xejn, huwa insult għal dawk il-Maltin kollha li jagħmlu ħilithom biex jimxu b’mod rett.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tenniet li wieħed jista’ jimmaġina d-diżastru ambjentali, soċjali, ekonomiku u morali f’pajjiżna li kieku kulħadd jieħu l-liġi f’idejh, u minflok l-awtoritajiet jaraw li kollox jimxi b’mod regolari, jagħmlu bil-maqlub u jagħlqu għajnejhom, jew saħansitra jaġevolaw it-tgawdija abbużiva ta’ żoni sħaħ fil-pajjiż. Fid-diskorsi li jsiru mis-sidien ta’ dawn il-kmamar dwar il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom, il-KA tistaqsi: “Min se jidħol sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini li josservaw il-liġi?”
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li l-qofol ta’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-tagħlim soċjali tal-Knisja huwa l-ġid komuni. Jidher li f’dan il-każ, il-ġid komuni mhux qed ikun meqjus bħala prijorità.
//= $special ?>