Aaron Axisa, ta’ 32 sena miż-Żejtun u li kien ġie kkundannat sentejn u tmien xhur ħabs fuq serq mill-Knisja ta’ Ħaż-Żabbar, ġie kkundannat tliet snin oħra ħabs u mmultat €3,000 mill-Maġistrat Miriam Hayman wara li nstab ħati fuq traffikar ta’ droga. Axisa instab ħati li fit-3 ta’ Mejju 2009 u fix-xahrejn ta’ qabel ittraffika d-droga eroina. Hu għandu problemi kbar tat-teħid tad-droga u kien ibiegħha biex jissodisfa l-vizzju tiegħu.
Il-Prosekutur, l-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, li dak iż-żmien kien Spettur fit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga, qal li kien irċieva informazzjoni li Axisa kien qed jittrafika l-eroina. Il-Pulizija kienet osservatu għal xi żmien meta kienet rat lil ċertu Daniel Mizzi jiltaqa’ ma’ Axisa. Fil-pussess ta’ Axisa kienu nstabu ħames qratas tal-eroina u ammont ta’ droga oħra fir-residenza tiegħu. Ciappara qal li fil-garaxx tad-dar kienu nstabu 2.5g eroina, kif ukoll oġġetti relatati mad-droga, bħal siringi ġodda, mus, kuċċarini maħruqa u anke mobile phones.
Xhud ieħor fil-każ kien il-Kuntistabbli George Briffa, li qal li mit-tfittxija li saret fil-karozza Ford Ka ta’ Danielle Mizzi kien instab pakkett bis-sustanza eroina u xi foil maħruq. Xehdet ukoll, għan-nom tal-Aġenzija Appoġġ, Victoria Scicluna, li kkonfermat li Axisa għandu bżonn l-għajnuna. Qalet li Axisa kien qed jiġri warajha biex jirċievi l-għajnuna u li hu kien qed jagħmel progress.
Sadanittant, fis-snin li għaddew Axisa kien instab ukoll ħati li seraq diversi oġġetti, l-aktar deheb, mill-Knisja ta’ Ħaż-Żabbar. Is-serqa kienet saret fil-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Novembru 2009. Hu kien ingħata sentenza ta’ sentejn u tmien xhur priġunerija mill-Qorti tal-Appell wara li kien ikkundannat tliet snin mill-ewwel Qorti. Il-piena kienet tnaqqset wara li l-Kapillan ta’ Ħaż-Żabbar Dun Bastjan Caruana kien ħafirlu.
Axisa kien instab ħati li sgassa t-Tabernaklu u n-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja, minfejn seraq deheb u djamanti. Kienu nsterqu sitt ċrieket tad-deheb isfar, par imsielet isfar bid-djamanti, ġiżirana, madalju tad-djamanti, brazzuletta li kienet f’idejn il-bambin, deheb antik u anke laptop. Kienu nsterqu wkoll erba’ kaxxi tal-offerti.
Dwar il-każ tad-droga, fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li kkunsidrat il-fatt li Axisa għandu problema akuta ta’ droga u li minkejja li ngħata diversi opportunitajiet, donnu ma tgħallem xejn, bil-kondotta tiegħu hi waħda ‘kkulurita’.
//= $special ?>
