Qorti

Allegatament Libjani agredixxew żewġ Skoċċiżi u serqulhom mobile

Żewġ Libjani baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv wara li kienu mixlija li nhar l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tas-18.45 f’Paċeville serqu “mobile phone” HTC li jiswa’ madwar €300 minn fuq żewġ Skoċċiżi.

Ben Hamouda ta’ 27 sena u El Jadei Mahmud ta’ 22 sena, b’dan tal-aħħar huwa student f’Malta kienu mixlijin quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li wettqu din is-serqa bi vjolenza. Skont l-Ispettur Elton Taliana li ressaq lil Libjani, l-akkużati qabdu lil Rory Steward u lil Graham Adams u wara li ħabtuhom ras ma’ ras serqu l-mobile minn fuq wieħed minnhom.

Il-Libjani ġew mixlijin ukoll li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqin u akkwistati b’qerq. L-Ispettur Taliana qal li l-mira tagħhom hija li kif jarax lil xi ħadd fis-sakra jippruvaw jisirquh. L-allegat reat seħħ fi Triq San Ġorġ. Għal Libjani deheret l-Avukat Marion Camilleri.