Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Bżonn ta’ azzjoni biex tonqos ir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni – Therese Comodini Cachia

L-Unjoni Ewropea trid tieħu azzjoni aktar b’saħħitha dwar dawk li jħallu l-bankijiet tal-iskola minn età żgħira, filwaqt li tkun enfasizzata aktar il-ħtieġa li nneħħu l-ostakli għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ. Dan kien l-appell tal-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt laqgħa mal-Ministru Taljan tal-Edukazzjoni, l-Universitajiet u r-Riċerka Stefania Giannini.

Il-laqgħa kienet parti mill-aġenda tal-Kumitat Parlamentari Ewropew għall-Kultura u l-Edukazzjoni, li ltaqa’ llum biex jiddiskuti l-prijoritajiet tal-Presidenza Taljana għall-Kunsill Ewropew. Comodini Cachia qalet li l-Istrateġija 2020 turi fiċ-ċar kif l-edukazzjoni ogħla tista’ tkun kruċjali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Madankollu, sostniet l-MEP Nazzjonalista, Stati Membri fosthom Malta għad għandhom rati pjuttost għolja ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni.

Therese Comodini Cachia sostniet li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn strateġija li trawwem l-idea ta’ intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex ikunu indirizzati l-ostakli li dawn jistgħu jsibu biex jiftħu n-negozju tagħhom, fosthom b’nuqqas ta’ finanzjamenti. Matul il-laqgħa, Comodini Cachia staqsiet lir-rappreżentanza tal-Gvern Taljan jekk il-Presidenza Taljana hux se tindirizza aktar dawn iż-żewġ problemi bi prijorità, kif ukoll jekk il-Presidenza għandhiex xi pjan biex issaħħaħ il-ħidma li diġà twettqet s’issa.