F’Malta naħsbu li m’hawnx finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi. Il-partiti jiġbru l-flus mingħand donaturi privati – mingħalina. L-Istat ma jidħol f’xejn – suppost.
Finanzjament perikoluż
Din l-impressjoni diġà tqanqal il-problema ta’ partiti potenzjalment mixtrijin. Għax jekk partit bla skrupli jieħu l-belli ewri mingħand sinjuruni privati – Maltin jew barranin – biex meta jkun fil-gvern jagħtihom li jridu, qed nitkellmu fuq sistema ta’ korruzzjoni fl-istruttura nnifisha tal-Istat.
Raġuni għall-finanzjament pubbliku
Kien għalhekk li f’Malta konna bdejna nitkellmu fuq finanzjament pubbliku tal-partiti biex dawn ma jkollhomx it-tentazzjoni li jinxtraw. Kienet diskussjoni li fiha Joseph Muscat – dak iż-żmien fl-oppożizzjoni – kien qal li jaqbel. Illum dawwar il-ħsieb.
Mhux ta’ partit wieħed biss
Nistgħu nifhmu għala. Għax issa qegħdin agħar milli nistgħu naħsbu. Għax għandna finanzjament pubbliku, imma ta’ partit wieħed biss.
Propjetajiet pubbliċi u privati meħudin mil-Labour
Il-Partit Laburista għandu ħafna propjetajiet pubbliċi u privati li tahom lilu nnifsu kull meta kien fil-gvern. Dawn huma propjetajiet jew tal-Gvern li gvernijiet Laburisti taw lill-Partit Laburista, inkella propjetajiet privati rekwiżizzjonati minn gvernijiet Laburisti b’abbuż tal-liġi tar-rekwiżizzjoni biex familji jissussidjaw il-Labour.
Bini kbir u storiku meħud ukoll
U l-Australia Hall. Dan hu bini storiku – is-sena d-dieħla jagħlaq mitt sena – li mhuwiex biss bini tagħna lkoll – tal-Maltin kollha – imma wkoll parti mill-memorja kollettiva tagħna bħala bini li sar għar-rijabilitazzjoni ta’ suldati miġjubin Malta biex jirkupraw mill-ġrieħi fl-Ewwel Gwerra Dinjija li qed infakkru l-mitt sena tagħha.
Żewġ kpiepel
Il-Partit Laburista, dan il-bini mhux biss qabdu u tah lilu nnifsu, talli l-Prim Ministru u leader Laburista Joseph Muscat daħal f’kunflitt ta’ interess enormi meta bil-kappell ta’ Prim Ministru ċeda kawża biex il-Gvern jieħu lura l-bini wara li l-Partit Laburista ħallieh żdingat, u bil-kappell l-ieħor ta’ leader tal-Labour Party daħħal il-flus billi l-partit tiegħu nnegozja dak l-istess bini – f’finanzjament pubbliku tal-Partit Laburista.
Jaqbad ħwejjeġ il-poplu u jinnegozjahom
Jekk din mhix sistema korrotta, imnawra mill-qiegħ, x’jista’ jkun aktar korrott? Li partit jinxtara minn interessi privati biex jagħtihom li jridu hi korruzzjoni. Li partit jaqbad ħwejjeġ il-poplu – f’dal-każ propjetà kbira ta’ valur storiku qawwi – u jinnegozjaha hu sistema saħansitra agħar. Imma dan hu l-Labour u dan hu Joseph Muscat li hekk ried ifisser b’Malta Tagħna Lkoll – li Malta kollha tiegħu biex jagħmel biha li jrid.