Lokali

Filmat: Frustrazzjoni fost immigranti rregolari fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi

Frustrazzjoni fost immigranti rregolari li qed jinżammu fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi għall-istat ħażin li qed jgħixu fih. Din il-frustrazzjoni waslet ukoll barra minn xtutna, hekk kif wieħed xi ħadd ġibed filmat tas-sitwazzjoni, bil-filmat jispiċċa fuq l-internet u rrappurtat f’sit elettroniku ta’ aġenzija Taljana tal-aħbarijiet.

Il-filmat, li ttella’ fuq l-internet it-Tlieta filgħaxija, juri mara targumenta ma’ wieħed mill-Uffiċjali ta’ Detenzjoni. Ir-rapport fuq is-sit elettroniku Taljan, bit-titlu “Id-disperazzjoni tal-immigranti f’Malta” jgħid li immigranti Palestinjani u Sirjani li jinsabu fl-istess ċella ġew trattati ħażin fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, l-għada li l-filmat ittella’ online, l-awtoritajiet għamlu tfittxija fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, li matulha ġew ikkonfiskati l-mobiles kollha tal-immigranti rregolari.

MaltaRightNow.com bagħat mistoqsijiet lill-Kap tas-Servizzi ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi. Staqsejna jekk jikkonfermax li saret din it-tfittxija, ir-raġuni għaliex saret u jekk jikkonfermax li ġew ikkonfiskati il-mobiles tal-immigranti rregorali. Madankollu, dawn il-mistoqsijiet baqgħu ma ġewx imwieġba.