Lokali

Il-bejgħ tal-Australia Hall hu “l-agħar eżempju ta’ politika korrotta” – il-PN

L-aħbar żvelata llum mill-ġurnal The Times li l-Partit Laburista biegħ l-Australia Hall b’farka tal-valur tagħha biex iħallas anqas taxxa tkompli turi kemm il-Gvern Laburista hu korrott. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha fakkar kif kulma jmur l-iskandlu tal-Australia Hall qiegħed dejjem jikber u jikxef il-maskra ta’ Joseph Muscat.

Meta ddikjara valur baxx biex jevita t-taxxa, Muscat qed jagħti l-agħar eżempju lill-poplu Malti: dak li tista’ tevadi t-taxxa. Għax jekk il-Partit Laburista jevadi sfaċċatament it-taxxa, b’liema awtorità morali jista’ l-Gvern Laburista jippretendi li l-poplu għandu jħallas it-taxxa, staqsa l-PN.

Il-PN sostna li f’dan il-każ hemm sensiela ta’ skandli, wieħed agħar mill-ieħor:

– li Muscat akkwista proprjetà pubblika, l-Australia Hall, billi qabad u ċeda kawża tal-Gvern kontra l-Partit Laburista minflok ħalla l-Qorti tiddeċiedi;

– billi Muscat biegħ l-Australia Hall, minkejja li din hi propjetà pubblika, u daħħal kemxa flus għall-Partit Laburista fl-istess nifs li qed iressaq Liġi kontra l-finanzjament tal-partiti;

– li Muscat iddikjara valur ridikolu għall-Australia Hall biex iħallas farka tat-taxxa dovuta.

Din mhi xejn ħlief korruzzjoni, sostna l-PN, li fakkar kif min jaċċetta l-korruzzjoni hu korrott. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu moralment u materjalment korrott, temmet tgħid l-istqarrija.