Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum waranofsinhar iltaqa’ mal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) fid-Dar Ċentrali tal-PN. Jakkumpanjaw lill-President il-ġdid tal-MHRA Matthew Pace, kien hemm il-membri tal-Kunsill Norbert Grixti, Andrew Agius Muscat u Hugh Peralta.
Simon Busuttil qal li l-PN għandu kull interess jaħdem mill-qrib mal-MHRA u jrid ikompli jifhem l-aspettattivi tagħha dwar it-turiżmu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li l-PN hu kburi li meta kien fil-Gvern firex il-pedamenti sodi tal-industrija tant importanti għall-pajjiż. Qal li r-riżulati f’dan is-settur għadhom għaddejjin, filwaqt li żied li l-PN hu lest jappoġġja policies tal-Gvern biex it-turiżmu jissaħħaħ.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser kif il-PN hu konxju ta’ diversi sfidi inkwetanti u għalhekk, bl-għajnuna tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli, il-PN ippropona 70 inizjattiva kif Malta tista’ takkwista fondi mill-Unjoni Ewropea. Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar ta’ l-Air Malta u qal li dan il-pjan hu kruċjali, tant li għandu jitħaddem skont il-parametri stabbiliti biex fl-aħħar mill-aħħar ikun suċċess.
Min-naħa tiegħu, Matthew Pace qed jittama li l-linja nazzjonali tal-ajru tibqa’ titħaddem taħt tmexxija lokali. Qal li t-turiżmu wasal f’salib it-toroq u wieħed irid jara jekk jiżdiedx in-numru ta’ turisti jew inkella għandhiex tissaħħaħ in-niċċa tat-turiżmu lussuż, speċjalment fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-President tal-MHRA ppreżenta Dokument ta’ Qabel il-Bagit dwar it-Turiżmu lill-Kap tal-PN u fost oħrajn żied li l-MHRA qed taħdem biex isir forum tal-Mediterran dwar is-settur.
Preżenti matul il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo.
//= $special ?>

