Għawdex Qorti

Il-Qassis Għawdxi mixli li kkorrompa tliet minuri jingħata l-libertà proviżorja wara li xehdu l-allegati vittmi

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, laqgħet it-talba tad-Difiża għal-libertà proviżorja fil-konfront tal-Qassis Għawdxi Dun Jesmond Gauci, ta’ 41 sena mix-Xagħra, li jinsab mixli li fis-snin li għaddew ikkorrompa tliet tfajliet taħt l-età. L-allegati vittmi, li huma mir-Rabat, mix-Xewkija u mill-Fontana, xehdu dalgħodu fil-Qorti ta’ Għawdex u wara, l-Avukat Carmelo Galea għamel talba biex il-klijent tiegħu jerġa’ jingħata l-libertà proviżorja.

Minkejja l-oppożizzjoni tal-Ispettur Silvana Briffa, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni, minħabba li qalet li għad iridu jixhdu l-ġenituri tal-allegati vittmi u xi xhieda oħrajn, il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża. Dan wara li anke l-Qorti tal-Appell, li kienet irrevokat il-ħelsien mill-arrest, kienet qalet li l-arrest kellu jibqa’ fis-seħħ sakemm jixhdu l-allegati vittmi. Il-Qorti tal-Appell kienet qalet li mingħajr ma jiġu leżi d-drittijiet tal-imputat, normalment ma jingħatax il-libertà proviżorja qabel jixhdu l-allegati vittmi biex ma tiġix intraċċata x-xhieda.

Tnejn mit-tfajliet illum huma adulti u, skont id-Difiża, meta seħħ il-każ waħda mill-allegati vittmi kellha 17-il sena u disa’ xhur, filwaqt li l-oħra kellha bejn 16 u 17-il sena. It-tielet allegata vittma llum għandha 17-il sena. Is-saċerdot reġa’ ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzja personali ta’ €5,000, kif ukoll li ma jersaqx lejn il-lokalitajiet fejn joqgħodu l-allegati vittmi.

Dun Jesmond Gauci qed jiġi mixli b’korruzzjoni ta’ minorenni u li offenda l-pudur morali tagħhom, kif ukoll li ħa vantaġġ minnhom u li offenda l-pudur u l-morali tagħhom. Qed jiġi mixli wkoll li bagħat xi SMSs li kienu inpropji.