Hekk kif fi stqarrija li ħarġet dalgħodu, Malta Public Transport Ltd qalet li x-xarabank li nqalalha l-isteering minn postu waqt li l-vettura kienet qed tinstaq bil-passiġġieri abbord issa reġgħet qed taħdem fit-toroq Maltin, sar magħruf li l-inċident seħħ tliet xhur ilu.
Dan hekk kif il-portal Newsbook.com.mt tkellem max-xufier involut fil-każ, li min-naħa tiegħu spjega x’ġara dakinhar tal-inċident. Qal li induna li l-isteering kellu xi problemi waqt li kien nieżel mis-Saqqajja u tefa’ fil-ġenb fit-triq lejn Ta’ Qali biex ma jimblukkax it-triq u biex jara li l-passiġġieri kienu siguri.
Ix-xufier qal li sar jaf bil-filmat tlett ijiem ilu biss minn passiġġier umbagħad minn kollega tiegħu. Spjega li ftit tal-ħin wara li l-filmat beda jdur fuq Facebook, l-imgħallem tiegħu ċempillu biex jinfurmah bid-deċiżjoni ta’ Transport Malta li jiġi sospiż minn xogħolu. Madankollu, l-imgħallem tiegħu ddeskrivieh bħala “eroj” għall-mod kif ħa ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri.
Ix-xufier spjega li l-imgħallem tiegħu jemmen li dan hu “każ ġenwin”, filwaqt li wiegħdu li qed jaqbeż għad-drittijiet tiegħu.
Aktar kmieni …
Stqarrija tal-Malta Public Transport
Wara diversi rapporti mill-media lokali, il-kumpanija li ħoloq il-Gvern biex topera t-trasport pubbliku wara li waqqaf l-Arriva, il-Malta Public Transport, sostniet li ssospendiet lix-xufier u lill-vettura wara l-każ tal-isteering li nqala’ waqt li l-vettura kienet qed tinstaq bil-passiġġieri abbord.
Fi stqarrija, Malta Public Transport ikkonfermat li wara l-analiżi li għamlet sostniet li l-vettura low floor kienet ta’ kumpanija privata li kienet qed topera f’isem il-Malta Public Transport Ltd u anke kienet qed tinstaq minn impjegat tal-kumpanija privata.
Il-kumpanija tal-Gvern ma weġbitx mistoqsijiet mibgħuta minn MaltaRightNow.com. Madankollu, fl-istqarrija qalet li wara l-każ saru t-testijiet neċessarji biex ikun assigurat li l-vettura hi tajba għas-sewqa, minfejn ġie kkonfermat li saru fuqha t-tiswijiet kollha meħtieġa u b’hekk issa hi tajba għat-toroq Maltin.
L-istqarrija tispjega li l-Malta Public Transport kellha laqgħa mal-kumpanija privata, li matulha spjegaw kif il-kumpanija privata u l-impjegat tagħha kellhom jaġixxu b’mod differenti f’inċident bħal dan, biex tkun salvagwardjata s-sigurtà tal-passiġġieri abbord.
Il-kumpanija pubblika qalet li hi tinsisti mal-impjegati kollha tagħha u tal-kuntratturi mqabbda biex jaraw li s-sigurtà tal-pubbliku u tal-passiġġieri jibqgħu tal-ogħla prijorità fis-servizz provdut, fost oħrajn billi jsiru t-testijiet neċessarji fuq il-vetturi li jintużaw.
//= $special ?>

