Qorti

Mixli b’serqa u attentati ta’ serq ta’ flus minn għadd ta’ residenti Karkariżi

Żagħażugħ ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar baqa’ miżmum taħt arrest prevetiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li fis-27 ta’ Awwissu li għadda seraq minn dar f’Birkirkara u ttanta jisraq minn erba’ t’idjar oħra mill-istess lokalita’.

L-Ispettur Fabian Fleri li flimkien mal-Ispettur Priscilla Caruana ressaq lil Clint Dalton qal li l-akkużat kien jaqbad u jidħol fid-djar, anke meta r-residenti jkunu preżenti. Meta kien jiġI wiċċ imb wiċċ magħhom kien iħarfilhom xi skuża, bħal qed ifittex lil xi ħadd u jivvinta isem, jew li kien tilef xi ħaġa.

Il-Prosekutur qal li hemm minn għaraf lil Dalton, u qal li kien il-persuna li qabdet u daħlet fir-residenza tiegħu. Allegatament ir-reati saru kollha wara nofs inhar fejn Dalton ġie mixli li seraq is-somma ta’ €205 għad-dannu ta’ Josephine Galea.

Huwa ġie mixli wkoll bl-attenti ta’ serq ta’ Jesmond Frendo Cumbo, Joanna Ellul, Christine Bonnici u Maria Rosa Grech. Dalton ġie mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, li naqas li jħares xi waħda mill-kundizzjonijiet impost fuqu, li sar reċidiv u li daħal fi propjeta’ bi skuża falza jew b’qerq. Għalih deher l-Avukat Joe Brincat li għamel talba għall-liberta’ proviżorja li kienet miċħuda mill-Qorti tal-Maġistrati.