Lokali

Mixli li ttraffika 18kg kannabis

Angel Attard, ta’ 32 sena mill-Gżira, ġie mixli li t-Tlieta li għadda u fil-jiem ta’ qabel ittraffika flimkien ma’ persuni oħrajn 18kg kannabis. L-allegat każ seħħ f’appartament f’Tas-Sliema u l-każ kien solvut permezz ta’ controlled delivery f’lokalità mhux magħrufa. Dan wara li d-droga nstabet fil-kantina tal-appartamenti fejn kien hemm għadd ta’ karozzi pparkjati.

Attard, li hu kaħħal, ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li kellu d-droga f’ċirkostanzi li juri li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, li kellu fil-pusses tiegħu r-reżina meħuda mill-pjanta kannabis u li kellu wkoll id-droga ecstacy. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża għal-libertà proviżorja tal-akkużat, fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużat, li kien ordnat jiffirma kuljum fl-Għassa ta’ Tas-Sliema. Dan wara oppożizzjoni mill-Ispettur Herman Mula, li mexxa l-Prosekuzzjoni, li qal li jista’ jkun hemm kontaminazzjoni tal-provi. L-Avukat Giannella de Marco għamlet it-talba li Attard għadu preżunt innoċenti u għalhekk għandu d-dritt jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Sadanittant, ilbieraħ tressqu quddiem il-Qorti żewġ persuni oħrajn b’rabta mal-istess każ. Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, tressqu Ingliż u Malti, bil-Malti jingħata l-libertà proviżorja bl-istess kundizzjonijiet li ngħata Attard, filwaqt li l-Ingliż inżamm taħt arrest preventiv. Ilbieraħ, il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-akkużati ma jixxandrux.

Fi stqarrija li l-Pulizija ħarġet ilbieraħ filgħaxija ngħad li wara investigazzjoni dwar importazzjoni f’Malta ta’ droga ħaxixa tal-kannabis, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga waslet biex it-Tnejn li għadda tard filgħaxija, taqbad is-sustanza li kienet għadha kif daħlet Malta minn Sqallija. Il-Malti li tressaq l-Erbgħa għandu 37 sena u hu minn Tas-Sliema, filwaqt li l-Ingliż għandu 41 sena u hu residenti l-Imsida.