Tabib li jipprattika fl-Isptar Mater Dei ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li wettaq “żball kbir” meta ħareġ ċertifikati mediċi għal mara Irlandiża mingħajr lanqas biss eżaminaha. It-Tabib Ravindra Algarwal ħareġ ċertifikat li jkopri xahar sħih meta allegatament l-Irlandiża Alice Mary Regan kisret għal diversi drabi il-kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti biex tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija, kif ukoll li kienet assenti għal xi seduti tal-Qorti.
L-akkuża tgħid li Regan kisret il-kundizzjonijiet billi naqset li tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta, bil-mara tgħid li hi ssofri b’mod regolari minn aċċessjonijiet. Hi kienet tressqet il-Qorti akkużata li tat daqqa ta’ ponn lil Uffiċjal tal-Pulizija wara li kienet ġiet arrestata u wara li l-Pulizija l-ewwel kienu arrestaw ħabib tagħha. Il-każ imur lura għal Awwissu 2013.
Fil-Qorti, it-tabib Algarwal qal li ltaqa’ ma’ Regan darba biss u minn hemm ‘il quddiem kienu jikkomunikaw permess ta’ SMSs u emails. Qal li Regan kienet tibgħatlu SMS kull darba li ma kinitx tħossha f’sikkitha, iżda hu ma kienx seta’ jgħinha għax kienet marret tgħix Għawdex. Algarwal ammetta li ma kienx ikun ċert dwar jekk Regan kinitx verament issofri minn aċċessjonijiet. Qal li kien żgur li kienet għaddejja minn diffikultà u hu kien qed jipprova jgħinha. Tenna wkoll li kien ħarġilha żewġ ċertifikati minħabba li kienet naqset milli tidher għall-kawża tagħha fil-Qorti.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit staqsiet lil Algarwal jekk qattx ħaseb li kien etikament korrett li joħroġ ċertifikati mingħajr lanqas biss eżamina lill-pazjent u hu wieġeb fin-negattiv. “Ma rridx ngħid li jien lgħabt ir-rwol ta’ Tabib, anzi kont aktar qisni konsulent”, qal Algarwal.
Xehed ukoll Avukat li jgħix ma’ Regan, li qal li anke hu ħareġ “ċertifikat mediku” f’isimha. L-Avukat David Pollina qal li minbarra li għandu Dottorat fil-Liġi, hu wkoll konsulent mediku iżda mhux liċenzjat jippratika f’Malta. Qal li hu jaf lill-akkużata u li din tgħix miegħu. Sostna li jaf għaliex ma marritx l-Għassa tal-Pulizija biex tiffirma f’dawk id-dati partikolari għax hu kien qed jieħu ħsiebha. Qal li hi epilettika u li ilu jieħu ħsiebha għal dawn l-aħħar sitta jew seba’ snin.
Min-naħa tagħha, il-Pulizija qalet li kien hemm perjodi li damu jfittxuha, tant li kienu wkoll niżżluha bħala persuna nieqsa. Il-Pulizija qed tgħid ukoll li Regan ma qaltilhomx li kienet sejra Għawdex, għalkemm kellha tinfurmahom 48 siegħa qabel. L-Avukat Pollina nsista li kemm hu kif ukoll Regan kienu nfurmaw lill-Pulizija li biddlet l-indirizz u hu stess infurmahom ukoll biex il-bail book jiġi trasferit lejn Għawdex. Tenna li skont hu, il-Pulizija jidher li ma kienux jagħtu każ u jniżżlu l-informazzjoni li kien jgħaddilhom hu fuq Regan.
Mistoqsi mill-Maġistrat dwar jekk il-komportament tiegħu li ħareġ ċertifikat mediku kienx etikament korrett, meta lanqas hu Tabib, ix-xhud qal li din kienet soluzzjoni temporanja biex l-akkużata ma tiġix arrestata sakemm ikun jista’ jġib ċertifkat mediku maħruġ minn Tabib. Deċiżjoni dwar jekk Regan hix ħatja jew le dwar il-ksur tal-kundizzjoni tal-Qorti mistennija tingħata l-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>

