Lokali

Tmut waħda mill-Maltin tal-Playboy

Madwar tlett ġimgħat ilu mietet Madeleine Collinson attriċi u mudella li fis-snin sebgħin flimkien ma’ oħta qajmet kontroversja sħiħa.

Madeleine li mietet fl-eta’ ta’ tnejn u sittin sena u oħta t-tewmija Mary, kienu l-ewwel Maltin u l-ewwel tewmin li dehru fil-magażine Amerikan, li maż-żmien sar popolari sew mal-Maltin, il-Playboy. Huma kienu ġew magħżula minn sid il-magazine stess, Hugh Hefner.

Fil-ħarga ta’ Ottubru tal-1970 ta’ dan il-magazine it-tewmin kienu ppużaw għar-ritratti għarwenin u kien irnexxielhom anke jidrhu fil-faċċata tal-magazine Playboy. Xi ħaġa li ftit mudelli internazzjonali irnexxielhom jagħmlu.

Madeleine u Mary kienu anke popolari barra minn xtutna hekk kif kienu ħadmu diversi films fosthom Twins of Evil li kien fih ftit xeni mhux ħażin tat-tewmin mingħajr ħwejjeġ. Huma dehru anke f’diversi reklami ta’ ditti internazzjonali.

Filwaqt li Mary tgħix barra minn Malta, Madeleine, fl-aħħar snin ta’ ħajjitha kienet tgħix f’San Gwann. Minkejja li kienet marida hi riedet tibqa f’darha għalkemm tlett ġimgħat ilu kellha tittieħed l-isptar Mater Dei fejn mietet fil-kumpanija ta’ oħta t-tewmija Mary.