Lokali Parlament Xjenza u Teknoloġija

Appell lill-Gvern biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet Diġitali jitpoġġa malajr kemm jista’ jkun fuq l-aġenda tal-Parlament

Konxja mill-importanza li t-teknoloġija tal-informazzjoni tkompli tiżviluppa u tinfirex b’mod sħiħ fis-soċjetà, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tappella lill-Gvern biex meta jerġa’ jiftaħ il-Parlament f’Ottubru li ġej, il-Gvern ressaq il-Private Members Bill dwar id-Drittijiet Diġitali. Dan l-appell sar mid-Deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Claudette Buttigieg waqt żjara li għamlu fil-kumpanija Alert f’Santa Venera. Din il-kumpanija ilha topera għal 16-il sena u llum tħaddem 50 persuna. Minbarra li taħdem għas-suq lokali, Alert għandha wkoll swieq barranin, fosthom il-Libja.

Wara li tkellmu mal-ħaddiema u mad-Direttur Maniġerali Claudine Cassar, id-Deputati Nazzjonalisti tkellmu dwar l-iżviluppi li l-pajjiż għamel fl-aħħar snin fit-teknoloġija tal-informazzjoni biex dan is-settur illum hu wieħed fundamentali għall-iżvilupp tal-pajjiż. Filwaqt li Kristy Debono qalet li l-Gvern hu obbligat li jressaq il-Private Members Bill kemm jista’ jkun malajr, Claudette Buttigieg enfażizzat l-importanza tal-privatezza taċ-ċittadini fuq l-internet u sostniet li fil-pajjiż għandha tinħoloq kuxjenza dwar dan. Għaċ-ċittadini, il-Private Members Bill tiggarantixxi diversi drittijiet, sostnew id-Deputati Nazzjonalisti.

Min-naħa tagħha, Claudine Cassar qalet li s-suċċess tal-kumpanija Alert hu riżultat tal-investiment li għamel fl-aħħar snin il-pajjiż fit-teknoloġija tal-informatika. L-investiment f’dan is-settur hu fundamentali biex Malta ma titlifx mill-kompetittività internazzjonali tagħha, filwaqt li tibqa’ pajjiż attraenti biex jattira lejh l-investiment barrani li joħloq ix-xogħol.