Lokali Unjoni Ewropea

Cecilia Malmstrom tiltaqa’ mal-President u żżur iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, jispikka n-nuqqas tal-Ministru Manwel Mallia

Illum komplew l-impenji f’Malta tal-Kummissarju Ewropew għall-Intern u l-Immigrazzjoni Cecilia Malmstrom, bi żjarat lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u żjara fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Matul il-laqgħa, il-President ta’ Malta esprimiet ix-xewqa li tara aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea fl-isfond tal-bżonn tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-protezzjoni tagħhom f’kuntest Ewropew.

Marie Louise Coleiro Preca qalet li Malta hi każ speċjali minħabba d-daqs tagħha, iżda dan ma jfissirx li pajjiżna għandu jabdika mir-responsabbiltà li jsalva l-ħajjiet. Il-President ta’ Malta kompliet li l-kunflitti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li appellat lill-UE biex tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha biex tindirizza l-kunflitti fil-Mediterran u l-kontinent Afrikan.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Malmstrom assigurat li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-każ ta’ Malta u li l-UE trid iżżid l-appoġġ li għandu bżonn pajjiżna fil-qasam tal-immigrazzjoni. Hi qablet mal-President Coleiro Preca dwar il-bżonn ta’ aktar koperazzjoni bejn Malta u l-UE, iżda rrimarkat li l-UE qed taħdem bis-sħiħ biex tindirizza l-isfidi f’dan il-qasam.

Aktar tard matul il-jum, il-Kummissarju Malmstrom żaret ukoll iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fejn iltaqgħet ma’ wħud mill-immigranti li qed jistennew li jingħataw l-istatus ta’ Refuġjat.

Sadanittant, matul dawn il-jumejn spikka n-nuqqas tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, li jinsab imsiefer. Dwar dan in-nuqqas irrimarkat ukoll il-Kummissarju Malmstrom, li qalet li normalment id-diskussjonijiet fi żjarat bħal dawn ikunu mmexxija mill-Ministru responsabbli mill-Intern. Hu mifhum li ż-żjara ta’ Malmstrom kienet ilha skedata mill-anqas minn Ġunju li għadda.

Mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Intern, b’mod partikolari jekk il-Ministru Mallia jinsabx imsiefer fuq xogħol tal-Gvern jew għal btala, baqgħu mhux imwieġba.