Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, wieħed mill-iżviluppi importanti kien li kellna kejl ġdid tad-diżugwaljanza – kemm wieħed ikun ‘il bogħod mid-dħul medju tal-bqija. L-Unjoni Ewropea dan issejjaħlu r-riskju tal-faqar u tippubblika stħarriġiet serji dwaru u dwar l-esklużjoni soċjali fil-pajjiżi kollha tagħha ħalli kulħadd ikun jista’ jqabbel.
Il-Labour damdam l-ammont ta’ foqra f’moħħ in-nies
Fis-snin ta’ wara s-sħubija, f’Malta kellna livell ta’ diżugwaljanza li kien anqas mill-medja Ewropea. L-istatistika kienet turi b’dettall il-persentaġġi u l-ammonti, u l-Partit Laburista kien jaqbad l-ammont stmat ta’ nies foqra u jdamdmu f’moħħ in-nies.
Ċifri u aħbarijiet
Fl-elezzjoni ġenerali u qabilha kellna ċ-ċifri li smajna lill-Partit Laburista jirrepeti kif jaf hu: 61,000 foqra u 93,000 foqra u esklużi soċjalment. U kien jagħmel aħbarijiet dwar kemm nies ma jistgħux jaffordjaw vaganza barra jew ikla bil-laħam.
Issa l-faqar żdied bl-eluf
Id-dinja ddur u l-istatistika toħroġ ta’ kull sena u waslet issa l-istatistika tal-ewwel sena tal-Labour. U ssib li l-foqra f’Malta issa, eżatt bl-istess riga, żdiedu b’4,000 għal 65,000, u dawk li huma wkoll esklużi soċjalment żdiedu b’6,000 għal 99,000. Fl-ewwel sena tal-Labour, f’dan il-kejl importanti soċjali morna lura bl-eluf.
Kejl ewlieni għal kull min hu serju
Għal min hu serju, dan hu kejl importanti. Għax kull politiku ġenwin jaf li l-politika trid tkun iffukata fuq min l-aktar għandu bżonn, min qed jissogra l-faqar u li jaqa’ ‘l barra mix-xfar tas-soċjetà – dik hi l-esklużjoni soċjali.
Moviment inkwetanti
U l-moviment li kellna fl-aħħar sena hu inkwetanti. Għax nistgħu noqogħdu nitgħajru bis-60 elfijat u bid-90 elfijat, imma agħar minn dan hu l-moviment, ‘il fejn qed jonfoħ ir-riħ. F’ekonomija li l-Labour wiritha bi spinta ekonomika qawwija u f’dinja li reġgħet għal bnazzi ekonomiku, il-Gvern Laburista f’Malta rnexxielu jżid il-faqar u dawk ‘il barra mix-xfar tas-soċjetà b’ammonti sostanzjali ta’ bejn 4,000 u 6,000 ruħ.
Argument importanti
L-argument tal-faqar ġie aċċettat mill-elettorat b’dividend elettorali kbir għal-Labour. U, naturalment, kif jgħidu l-Ingliżi, dak li jgħodd għall-wiżża jgħodd għall-wiżżu.
Għafsa fuq il-pagi
Il-Labour li kien interessat ħafna fil-propoganda għall-voti qabel l-elezzjoni issa jrid iwieġeb kif irnexxielu jżid il-faqar fl-ewwel sena tiegħu u x’se jagħmel biex inaqqsu. Però dan diffiċli. Għax tal-qalba bil-pagi u l-perkaċċi lussużi, il-faqar żgur ma jħossuhx. U lanqas mhuma se jħossu l-għafsa fuq id-dħul u fuq il-pagi li qed tirriżulta minn ċifri oħrajn u li hi r-raġuni għal din iż-żieda fil-faqar fl-aħħar sena.