Lokali

Il-PN iħabbar il-programm tal-attivitajiet għall-50 anniversarju mill-Indipendenza

Il-Ħadd, 21 ta’ Settembru pajjiżna se jiċċelebra l-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza fl-1964. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista llum ħabbar id-dettalji tal-tal-attivitajiet li se jorganizza l-Partit f’dan l-anniversarju.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li minħabba l-anniversarju importanti ta’ din is-sena, il-PN se jagħti spazju għall-attivitajiet tal-Gvern. Għaldaqstant, l-attivitajiet Fuq il-Fosos se jsiru bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru. Qal li għall-PN l-Indipendenza hi okkażjoni li fiha nħarsu lura lejn dak li nkiseb, iżda wkoll ‘il quddiem biex naraw fejn irridu mmorru.

Chris Said sostna li l-Indipendenza kienet deċiżjoni kuraġġjuża u għaqlija ta’ missirijietna, tant li dak kollu li aħna llum u l-avvenimenti li ġraw wara, kollha kienu possibbli għax il-poplu Malti kien sovran u indipendenti.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellmu wkoll Charles Stroud u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li taw dettalji dwar aspetti varji tal-attivitajiet tal-Indipendenza. Charles Stroud spjega li minbarra l-attivitajiet ta’ diskussjoni politika u divertiment, l-enfażi għal din is-sena hi fuq l-interattività u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku ta’ kull età.

L-Attivitajiet fuq il-palk prinċipali se jkunu ddominati mill-Konkors Kanzunetta Indipendenza, b’serata għall-Konkors tal-kbar u serata għall-finalisti tal-kategorija Junior. Imbagħad, id-divertiment fl-aħħar serata hu f’idejn QE2, meqjus fost l-aqwa tribute bands tal-grupp Queen.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li matul dawn il-Festi se jittellgħu attivitajiet ġodda, fosthom rokna dwar stil ta’ ħajja sana, bil-parteċipazzjoni ta’ studenti tal-Mediċina, professjonisti fil-qasam tal-isport u pazjenti minn Dar Kenn għal Saħħtek, li se jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.

Se terġa’ tittella’ wkoll il-mixja u ġirja minn Birkirkara u Santa Venera lejn il-Fosos. Se jkunu organizzati wkoll mini-tournaments tal-futbol u tal-waterpolo, b’dan tal-aħħar b’differenza, hekk kif il-logħob se jintlagħab f’pitches differenti fil-baħar kif kien isir fl-imgħoddi.

It-Teżorier tal-PN Alex Perici Calascione tenna li bħalma sar is-sena li għaddiet, il-Festi tal-Indipendenza se jħallsu lilhom infushom, bl-attività prinċipali li tiġġenera d-dħul għal dawn il-Festi tkun il-Lotterija Indipendenza.

L-attivitajiet jiġu fi tmiemhom il-Ħadd, 21 ta’ Settembru filgħaxija b’Riċeviment organizzat mill-PN fi Ġnien Indipendenza f’Tas-Sliema, bil-mistieden speċjali jkun Alexander Borg Olivier, iben l-eks Prim Ministru u Missier Malta Indipendenti Ġorġ Borg Olivier.