Lokali

Imut John Camilleri, l-eks Segretarju Privat ta’ Eddie Fenech Adami

Tħabbret il-mewt ta’ John Camilleri, li għal 14-il sena serva bħala s-Segretarju Privat tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami. Camilleri ħalla din id-dinja matul il-lejl li għadda, fl-età ta’ 67 sena.

Minbarra l-14-il sena bħala s-Segretarju Privat ta’ Eddie Fenech Adami, 10 snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni u erba’ snin bħala Prim Ministru, John Camilleri kien ukoll għal sitt snin bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) qabel ma serva bħala l-Assistent Personali tal-Kummissarju Ewropew Malti Joe Borg.

Fl-2006 Camilleri serva bħala ċ-Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS, filwaqt li lura fis-snin, serva wkoll bħala d-Direttur Eżekuttiv tal-AŻAD bejn l-1992 u l-1997, kif ukoll Chairman tal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-1995 u l-1996. Kien ukoll Direttur f’numru ta’ entitajiet tal-Gvern, fosthom fil-Freeport u fil-Maltacom, kif ukoll Deputat Chairman tal-Mid-Med Bank.

Fi ħdan il-PN, John Camilleri serva wkoll bħala Segretarju Organizzattiv u kkontribwixxa biex il-Partit seta’ jorganizza ruħu aħjar skont iż-żminijiet.

Il-Funeral se jsir għada fid-9am fil-Knisja Arċipretali ta’ San Publju fil-Floriana.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications twassal il-kondoljanzi lill-familja u l-ħbieb ta’ John Camilleri.

Il-PN isellem lil John Camilleri

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ John Camilleri għall-ħidma tiegħu b’risq il-pajjiż u b’risq il-PN. Il-PN qal li aktar kmieni llum, il-Kap tal-Partit Simon Busuttil kellem personalment lill-armla ta’ John Camilleri biex iwasslilha l-appoġġ u l-kondoljanzi tiegħu u tal-Partit f’dan il-mument diffiċli.